L-ASMK tkompli bi programm Motocross u Demolition Derby

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat il-ħames programm mill-kampjonat Motocross bi 18 il-kompetitur maqsuma f’erba' klassijiet.
Fi Klassi A, l-aħwa Clayton u Kyle Camilleri ddominaw bi Clayton Camilleri fuq KTM jispiċċa jirreġistra l-ewwel rebħa tiegħu f’dan l-istaġun, segwit min huh Kyle Camilleri fuq KTM.
Huma kienu segwiti fit-tielet u r-raba' post mill-aħwa Trevor u Paul Muscat rispettivament, it-tnejn fuq muturi KTM.
Fi Klassi B, Ryan Faenza fuq Yamaha rebaħ din il-klassi segwit minn Daniel Caruana fuq Honda filwaqt li fit-tielet post spiċċa Adrian Bonnici fuq Yamaha.
Fi Klassi Ċ, Michael Sant rebaħ fuq mutur Honda segwit minn Joseph Azzopardi fuq Yamaha u fit-tielet post daħal Christopher Hartmann fuq KTM.
Fil-Klassi Veterans, Paul Deguara fuq KTM spiċċa fl-ewwel post segwit minn Jethro Sant fuq Yamaha u fit-tielet post spiċċa William Sant fuq Suzuki.
Il-programm intemm bid-Demolition Derby tal-karozzi żgħar fejn f’din l-edizzjoni ħadu sehem 15 il-karozza.
Is-sewwieqa kienu:- Jason Magro, Mauro Cassar, Stefan Farrugia, Jonathan Abela, Christian Cremona u Adrian Bonnici kollha fuq Skoda. Karl Mizzi fuq VW Polo, Aaron Brydon fuq KIA, Leo u Frank Butler fuq Mazda, Wayne Mallia fuq Subaru, Brian Mascari fuq Peugeot 205, Clint Farrugia fuq Lada, Larkin Butler fuq Suzuki Swift, Christian Agius fuq Daihatsu u Charles Falzon fuq Renault.
Matul din it-taqtiegħa, fl-aħħar vjaġġ ta’ dawn il-karozzi qabel imorru għall-iscrap, dawn daru żewġ dawriet mal-korsa u wara bdiet mill-ewwel id-Demolition Derby.
Il-kompetizzjoni damet 18 il-minuta li matulhom, dawn il-karozzi urew sa fejn kellhom ħila jwasslu minkejja l-ħbit volontarju skont regolamenti stretti waqt it-tiġrija.
It-taqtiegħa spiċċat bejn Brian Mascari fuq Peugeot 205 u Larkin Butler fuq Suzuki Swift.
Mascari kellu l-vettura tiegħu f'kundizzjoni ftit aħjar minn ta' Butler iżda xorta saru tentattivi miż-żewġ sewwieqa biex ikomplu sal-aħħar.
Kollox intemm meta Larkin Butler ċeda u r-rebbieħ tad-Demolition tal-karozzi żgħar 2017 ġie ddikjarat Brian Mascari fuq Peugeot 205.

Ritratt: Mario Micallef