L-artisti se jingħataw €800 fix-xahar bħas-setturi l-oħrajn

Artisti tal-ispettaklu, kumpaniji, impjegati u self-employed fl-industrija tal-ispettaklu se jingħataw il-paga sħiħa iġifieri total ta’ €800 fix-xahar. Huma se jkunu qegħdin jitħallsu mill-bidu ta’ Novembru.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħadu din id-deċiżjoni wara diversi diskussjonijiet mal-istakeholders fl-industrija tal-performing arts.

Huma spjegaw li filwaqt li s-settur tal-performing arts ma twaqqafx għal kollox, ir-restrizzjonijiet fuq avvenimenti pubbliċi u laqgħat tal-massa kellhom impatt negattiv ħafna fuq l-artisti, li ma setgħux jipparteċipaw fi produzzjonijiet u wirjiet. Mit-tneħħija tar-restrizzjonijiet f’Ġunju 2020, l-artisti kienu qed jingħataw suppliment tal-paga ta’ €600 fix-xahar.

B’din id-deċiżjoni, l-artisti fis-settur se jkunu intitolati għal €800 fix-xahar, bħal ħaddiema oħra li jaħdmu f’setturi li f’dan il-mument huma vulnerabbli.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li s-sostenn tal-artisti fi żmien ta’ kriżi huwa kruċjali mhux biss għall-artisti nfushom iżda wkoll għall-benesseri tas-soċjetà. Żiedet li l-artisti huma parti minn negozju u l-komunità intraprenditorjali u wieħed irid japprezza l-kontribut tagħhom lejn l-arti u s-soċjetà inġenerali.

Il-Ministru Herrera saħaq li l-irkupru tas-setturi kulturali u kreattivi qed jingħata l-importanza mistħoqqa mill-Gvern u dan permezz ta’ sensiela ta’ inizjattivi u azzjonijiet sinjifikanti.