L-artisti jgħinu lill-Knisja tesprimi l-missjoni tagħha

Il-Kunċert tal-Milied tal-Vatikan li sar is-Sibt li għadda

Nhar il-Ġimgħa li għadda l-Papa Franġisku ltaqa’ mal-artisti kantanti li ħadu sehem fil-Kunċert tal-Milied tal-Vatikan li din is-sena sar is-Sibt li għadda fis-Sala Pawlu VI fil-Vatikan u qalilhom li l-kreatività tagħhom dejjem għenet lill-Knisja biex tesprimi l-missjoni tagħha.

Din hi l-25 sena minn meta sar l-ewwel Kunċert tal-Milied għall-Karita mill-Vatikan. Fil-kunċert ta’ din is-sena, ħadu sehem fost oħrajn il-kantanta Amerikana, Anastasia u l-kantanta Taljana Alessandra Amoroso kif ukoll Dee Dee Bridgewater u l-Gospel Choir tal-Istat ta’ Tennessee.

Din is-sena, mid-dħul ta’ dan il-kunċert se jibbenefikaw żewġ orġaniżazzjonijiet. L-ewwel waħda hi l-Missjoni Don Bosco li bħalissa għandha proġett biex teduka tfal mis-Sudan t’Isfel li jinsabu f’kamp tar-refuġjati f’Palabek, l-Uganda immexxi mis-Salesjani. L-organiżazzjoni l-oħra li se tibbenefika hi “Scholas Occurrentes” li teduka tfal f’Erbil, l-Iraq fejn hemm 130,000 nisrani jgħixu bħala refuġjati.

Meta kellem lill-artisti u lill-organiżżaturi tal-Kunċert tal-Milied, Papa Franġisku qal li t-tfal refuġjati “għaddew minn sitwazzjonijiet terribbli”. Hu qabbilhom ma’ Ġesù li niżel fid-dinja “minn post ieħor” fejn kien jgħix f’għaqda f’għaqda ta’ għerf, dawl u mħabba ma’ Alla l-Missier u l-Ispirtu s-Santu”. Fid-dinja, Ġesù esperjenza “il-limitazzjonijiet tagħna u d-dnubiet tagħna biex tana l-imħabba tas-Santissima Trinità”, qal il-Papa.

Ġesù wkoll kellu jaħrab mill-qilla ta’ Erodi u dan ġiegħel lill-Familja Mqaddsa tgħddi minn persekuzzjoni. Għalhekk il-Bambin Ġesù jfakkarna li nofs ir-refuġjati tal-lum huma tfal, vittmi bla ħtija tal-inġustizzji umani.

Il-Papa qal li waħda mill-ħafna modi kif il-Knisja twieġeb għal din ir-realtà traġika hi permezz tal-edukazzjoni kif jagħmlu ż-żewġ istituzzjonijiet li se jgawdu mill-kunċert. It-tfal refuġjati wkoll jinħtieġ li jingħataw formazzjoni biex għadu jkunu jistgħu jaħdmu u jipparteċipaw bħala ċittadini tajba għall-ġid komuni.

L-Edukazzjoni hi mod kif ngħinu lin-nies iqumu fuq saqajhom, jingħataw lura d-dinjità u l-kuraġġ biex jiffaċċjaw il-ħajja u japprezzaw it-talenti tagħhom, żied il-Papa.

Il-Papa Franġisku kkonkluda d-diskors tiegħu billi qal li l-artisti dejjem għenu lill-Knisja tesprimi l-missjoni tagħha. “L-artisti jirnexxielhom imissu l-aktar partijiet intimi tal-kuxjenza tal-bniedem. Għalhekk, lilkom preżenti hawn nixtieq nirringrazzjakom u ninkoraġġikom tkompli bil-ħidma tagħkom biex tkebbsu n-nar u l-imħabba tal-Milied f’qalb kulħadd”.