“L-art tal-Miżieb saret ċimiterju tal-għasafar” – SHout

Il-kampanjaturi ta' SHout (Spring Hunting Out) waħħlu kartelli fl-art tal-Miżieb biex jitlobu lura din l-art li fi kliemhom saret “ċimiterju tal-għasafar.”
Waqt l-attività li saret dalgħodu, il-kampanjaturi qalu li jekk il- “Le” jirbaħ, din l-art se terġa’ ssir żona ta’ serħan għat-tagħmir tal-għasafar u sabiex titgawda mill-pubbliku matul ir-rebbiegħa.”
Il-kelliem għal SHout, Mark Sultana qal li “il-masġar tal-Miżieb hu art pubblika li għandha tkun għal kulħadd biex titgawda, imma minflok hi maħkuma mill-kaċċaturi fir-rebbiegħa li jisparaw fuq kull tip ta’ għasafar taħt dawn is-siġar.”
Stqarrija maħruġa minn SHout tgħid li l-assoċjazzjoni tal-kaċċaturi ngħatat aċċess biex tikkaċċja f’dan il-masġar fil-kampanja elettorali tal-qabel l-elezzjoni ġenerali tal-1986. Il-kaċċaturi “okkupaw dan il-post minn dakinhar, minkejja li ma kienx hemm qbil formali jew pjan ta’ immaniġġjar dwar l-użu kontinwu ta’ din l-art minnhom.”
Kif intemm l-istaġun tal-kaċċa ta’ din is-sena, voluntiera sabu fdalijiet ta’ għasafar protetti, rari u li huma komuni fir-rebbiegħa moħbija taħt il-blat. Fl-2009, voluntiera sabu karkassi ta’ ‘l fuq minn 200 għasfur protett moħbi ‘l hawn u ‘l hemm.
B’reazzjoni għal dan, l-ambaxxatur ta’ SHout l-atleta Fabio Spiteri qal li “is-sejba ta’ mijiet ta’ għasafar li nqatlu bi sparaturi u ntremew f’masġar li hu maħkum mill-organizzazzjoni tal-kaċċaturi nfushom turi li l-kaċċaturi mhumiex interessati fl-ebda tradizzjoni li jikkaċċjaw għall-ikel.”
Żied li l-Miżieb għandu jkun post sigur fejn l-għasafar jistrieħu mingħajr l-ebda biża li xi kaċċatur se jispara fuqhom.