Konrad Mizzi: “L-art tal-ITS trasferita għall-ogħla prezz li qatt tħallas għal art pubblika”

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li għat-trasferiment tas-sit tal-ITS il-Gvern se jirċievi l-ikbar ħlas li qatt tħallas għal konċessjoni ta’ art pubblika.
Waqt it-tieni stqarrija Ministerjali tiegħu, li segwiet dik dwar il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku, il-Ministru Mizzi ddeskriva l-kuntratt bħala “robust”, hekk kif il-parti l-kbira tal-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni ma kinux dwaru.
Semma li dan il-kuntratt jikkuntrasta dak li sar dwar Smart City fejn tħallsu €0.40 għal kull metru kwadru, bl-iżviluppatur kellu l-libertà li jispekula u jbigħ il-proprjetà.
Il-Ministru Bla Portafoll stqarr li l-valutazzjoni ta’ €56 miljun saret mill-kumpanija indipendenti Deloitte & Touche.
Għall-kritika li l-valutazzjoni ta’ €60 miljun hu ħafna inqas mill-€200 miljun imsemmija fil-Master Plan ta’ Paceville, il-Ministru qal li r-rata fil-Master Plan ma tirreferix għal art li trid tħaffirha u tibniha.
Spjega li r-rata tal-appartamenti, ta’ €1,350 għal kull metru kwadru hi rata ta’ qabel il-kostruzzjoni.
Dr Mizzi qal li parti żgħira biss mill-art se tintuża biex jinbnew it-torrijiet residenzjali (35,000 metru kwadru), 49,000 kwadru għal-lukanda u 27,000 metru kwadru għall-ħwienet.
"Jekk jingħata permess għal aktar metri kwadri, iħallas iktar" – Konrad Mizzi
Dwar il-pjan lokali u l-permessi, il-Ministru qal li l-iżviluppatur irid jimxi dejjem mal-liġijiet u l-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Żied jgħid li jekk l-iżviluppatur jingħata permess għal aktar metri kwadri minn dak stipulat fil-kuntratt, il-valutazzjoni tiżdied u għaldaqstant l-iżviluppatur iħallas aktar.
"L-ITS fi Smart City: Kampus, lukanda u dormitorju" – Konrad Mizzi
Dwar ir-rilokazzjoni tal-ITS fi Smart City b’investiment ta’ €75 miljun, il-Ministru Mizzi stqarr li l-Gvern ma jridx biss skola, imma Kampus ta’ tagħlim, li jattira studenti barranin ukoll. Kompla jgħid li l-Kampus ikun jinkludi dormitorju għall-istudenti internazzjonali u lukanda ta’ erba’ stilel li tintuża għat-tagħlim ukoll.
Stqarr li l-ekonomija Maltija se tibbenefika minn €800 miljun fl-ewwel 10 snin tal-proġett, b’€490 miljun dħul għall-Gvern.
"Il-Gvern se jdaħħal €15-il miljun mhux €60 miljun" – Simon Busuttil
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Gvern se jkun qed idaħħal €15-il miljun mhux €60 miljun mit-trasferiment tal-art. Ikkritika wkoll lill-Gvern talli ppermetta żvilupp li jmur kontra l-pjan lokali taż-żona.
"Il-Gvern jiggarantixxi loans għall-ħut il-kbir u mhux għan-nies ordinarji" – Marlene Farrugia
Id-Deputat Indipendenti u Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qablet maċ-ċifra li ta Simon Busuttil. Qalet li Konrad Mizzi ta ħafna eżempji ta’ żbalji minn Gvern Nazzjonalista. Enfasizzat li dik kienet ir-raġuni li l-poplu ddeċieda li jwaqqa’ l-Partit Nazzjonalista mill-poter. Saħqet li l-Gvern jiggarantixxi l-loans għall-ħut il-kbir u mhux għan-nies ordinarji.