L-Arriva tibda tipprepara biex iddaħħal lura l-bendy buses

Il-kumpanija Arriva llum wieġbet lura lill-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi dwar ir-rapport uffiċjali ta’ investigazzjoni dwar il-ħruq ta’ tliet bendy buses.

Minkejja li ma tatx dettalji dwar ir-reazzjoni tagħha, jidher li l-Arriva ħadet ukoll pariri tekniċi mingħand il-manifatturi tal-karozzi tal-linja.

Fost l-oħrajn, l-Arriva ippreżentat pjan iddettaljat dwar ir-rakkomandazzjonijiet li saru biex tissolva l-problema li għaddej minnha bħalissa t-trasport pubbliku. Il-Ministru ngħata wkoll ċertifikati ta’ kull bidla li saret fil-vetturi sa minn meta nħadmu.

L-Arriva qed tistenna l-approvazzjoni ta’ Transport Malta biex tibda l-proċess ta’ ċertifikazzjoni u tkun tista’ terġa’ tħaddem il-kumplament tal-bendy buses.

Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi qal li mhux lest li jaċċetta li tkun il-kumpanija Mercedes li tiċċertifika is-sigurtà tal-bendy buses.

Il-Ministru qed jinsisti li trid tkun kumpanija internazzjonali indipendenti li tiċċertifika jekk il-Bendy Buses humiex tajbin għat-toroq Maltin u joffru sewqan fis-sigurtà.

Mercedes-Benz Citaro hija l-kumpanija li immanifatturat il-bendy buses.