L-ARMS jafu li l-kontijiet mhux jinħarġu kif suppost; għandi l-provi – Agius

Il-Viċi Kap Nazzjonalista u kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma David Agius, qal li se jkun qed jippubblika informazzjoni li turi li l-Automated Revenue Management Systems (ARMS) kienet taf li l-kontijiet mhux jinħarġu kif suppost.
Waqt il-programm Newsdesk fuq Radio 101, David Agius saħaq li żgur li l-ARMS jafu bl-Avviż Legali, li jgħid li l-kontijiet tad-dawl għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi ta’ sena.
“L-ARMS kienu jafu u fil-ġranet li ġejjin ħa nkun qed nikkonferma li l-ARMS li kienu jafu” sostna Agius. Żied jgħid li għandu informazzjoni li se tiġi ppubblikata fil-futur. Madanakollu, Agius qal li għadu jrid jivverifika l-informazzjoni.
Irrimarka li avviċinatu persuna li rċeviet ittra mill-ARMS li turi li din diġà “kellha indikazzjoni”. Spjega li dan ifisser li l-ARMS m’għamlet xejn biex issolvi s-sitwazzjoni, minkejja li kienet taf.
Skont Agius, l-ittra li rċieva turi li l-konsum tal-elettriku ta’ persuna li ngħatat kont f’perjodu partikolari ma kinitx estiża għal sena sħiħa u li din il-persuna ngħatat tnaqqis ta’ madwar €150.
Agius stqarr li “il-familji Maltin għandhom żieda fil-kontijiet tagħhom.”
Jispjega għala konsumatur jispiċċa jħallas rata għolja
Il-Viċi Kap Nazzjonalista spjega li dar normali jkollha 2,000 unit fis-sena, li jfissru 333 unit kull xahrejn. Qal li jekk dar tuża inqas minn 333 unit f’xahrejn partikolari imma tuża aktar minn 333 unit fix-xahrejn ta’ wara, id-dar tispiċċa tħallas b’rata ogħla, għax l-ARMS ma tikkunsidrax il-units li ma jkunux intużaw fl-ewwel xahrejn.
David Agius fisser li skont l-Avviż Legali, l-ARMS għandha titlob lid-djar iħallsu fuq konsum kumulattiv kull sena, li tista’ tiġi ffatturata fuq bażi prorata.
Avviż Legali ieħor jgħid li l-ARMS tista’ toħroġ il-kontijiet li jkopru kull ammont  ta’ ġranet li tikkunsidra xieraq.
Il-Partit Demokratiku u l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi lmentaw dwar il-proċedura li qed tintuża mill-Automated Revenue Mangement Systems (ARMS) Ltd għall-kontijiet tad-dawl u tal-ilma filwaqt li l-kumpanija qed tibqa’ tinsisti li ma sarx tibdil.
Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ppubblika ċifri fil-parlament li juru li l-kontijiet tad-dawl qed jinħadmu bl-istess mod kif ilu isir mill-kumpanija Arms minn tal-inqas mill-2012 ‘il quddiem.
L-ekonomista Marie Briguglio qalet li hemm min qed iħallas il-kont tad-dawl bir-rata ‘tal-kastig’ ta’ 60 ċenteżmu kull unit, meta ma jkunx ħaqqu.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jekk jinstab mod kif titjieb is-sistema tal-kontijiet tad-dawl, il-Gvern lest li jagħmel il-bidliet amministrattivi.