L-armata Awstraljana b’aktar poter f’każ ta’ attakk terroristiku

L-armata Awstraljana se tingħata poteri estensivi ġodda biex tkun tista’ tirreaġixxi għal attakki terroristiċi domestiċi b’mod aktar effettiv.
Il-Gvern Awstraljan ippropona tibdil fil-liġijiet tas-sigurtà nazzjonali bħala parti minn proġett ta’ tiġdid fil-ħidma ta’ kontra t-terroriżmu.
Dawn il-miżuri l-ġodda jinkludu liġi li biha l-Forzi tad-Difiża Awstraljana tkun tista’ tissejjaħ aktar kmieni biex tgħin lill-Pulizija fil-ħidma tagħha kontra xi theddid jew attakk.
Din il-liġi qed tiġi proposta fid-dawl tal-attakk terroristiku li kien sar f’kafeterija f’Sydney fl-2014.
Preżentament il-leġiżlazzjoni Awstraljana tiddetta li l-Pulizija ma jistgħux isejħu l-għajnuna tal-Forzi tad-Difiża Awstraljana qabel ma dawn ikunu laħqu l-limitu tal-kapaċitajiet tagħhom.