L-arma li qatlet lil Lassana se tintbagħat l-Olanda

Read in English.

L-arma allegatament użata minn Francesco Fenech u Lorin Scicluna biex jinqatel Lassana Cisse Souleymane f’Birżebbuġa f’April li għadda se tittieħed l-Olanda biex isirulha xi testijiet tal-ballistika.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ordna li jsir dan f’digriet maħruġ dalgħodu. Id-digriet ħareġ bħala riżultat minn talba li saret f’Lulju li għadda fejn il-Prosekuzzjoni talbet li l-Qorti tapponta espert tal-ballistika biex jeżamina u jittestja l-arma li nstabet fil-pussess ta’ Lorin Scicluna. Imbagħad jiġu kkumparati l-iskrataċ li nstabu fuq il-post u ġo ġisem il-vittma.

Il-pistola tal-għamla CZ P10 għandha tiġi ttestjata fl-Istitut Forensiku fl-Olanda. Uffiċjal tal-pulizija Malti se jakkumpanja l-arma sal-Olanda u jgħaddiha lill-esperti.

L-eks suldati mal-Forzi Armati ta’ Malta, Francesco Fenech ta’ 21 sena u Lorin Scicluna ta’ 22 sena, qed jiġu akkużati li qatlu lil Souleymane, ta’ 42 sena, li hu mill-Kosta tal-Avorju f’April li għadda. Huma bħalissa jinsabu meħlusin mill-arrest, wara li wieġbu mhux ħatja li qatlu lil Souleymane, u anke li sparaw fuq żewġ immigranti oħra, li rnexxielhom isalvaw.

Dan il-każ qajjem kuxjenza fuq it-tendenzi razzjali li hawn fil-pajjiż.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud.

L-Avukati Franco Debono, Kris Busietta u Julian Farrugia qed jidhru għal Lorin Scicluna, filwaqt li d-Difiża ta’ Francesco Fenech hija magħmula mill-Avukati Giannella DeMarco u Stephen Tonna Lowell.