L-Arkivji tal-Vatikan juru l-kobor tal-Papa Piju XII

L-Arkivji tal-Vatikan - minjiera ta' informazzjoni dwar il-ħidma tal-Knisja.

L-Arċisqof Paul Gallagher is-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet mal-Istati qal li l-ftuħ tal-Arkivji tal-Vatikan għas-snin bejn l-1939 u l-1958 juru x-xogħol kbir tal-Papa Piju XII u l-isofrzi tiegħu biex jikkomunika mal-Unjoni Sovjetika.

Nhar it-Tnejn li għadda 2 ta’ Marzu, il-Librerija Apsotolika fetħet l-Arkivji tal-Vatikan għall-Pontifikat tal-Papa Piju XII. Stujużi u riċerkaturi issa jistgħu jagħrblu rikkezza ta’ materjal dwar il-ħidma tal-Papa Piju XII, fosthom messaġġi li bagħat tul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Filwaqt li tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-arkivjil-Arċisqof Gallagher innota li normalment l-Arkivji tal-Vatikan kellhom ikunu miftuħa sas-sena 1939, mal-mewt tal-Papa Piju XI, iżda l-Papa Franġisku, ried jiftaħ malajr l-arkivji għall-perjodu ta’ Piju XII, sal-1958.

Tagħrif uniku

Hu qal li dan il-materjal se jagħti lin-nies tagħrif uniku dwar il-politika u d-diplomazija tas-Santa Sede tul iż-żmien kollu ta’ dan il-Pontifikat.

B’mod partikolari l-Arċisqof Gallagher qal li dawn l-Arkivji se jgħinu biex wieħed jifhem x’kien għaddej f’dawk iż-żminijiet, x’tip ta’ bniedem kien il-Papa Piju XII, x’politika kellu għal dawk is-snin diffiċli, speċjalment matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-perjodu ta’ wara.

Dawn l-arkivji huma kbar mhux ħażin għax jinkludu madwar żewġ miljun dokument. Dawn id-dokumenti ikopri diversi oqsma ta’ attivitajiet li wettqet is-Santa Sede tul it-Tieni Gwerra, id-diplomazija, il-Konkordati li nnegozjat, il-ħidma umanitarja tal-Knisja, rapport dwar kwestjoniet reliġjużi u politiċi, l-edukazzjoni u oħrajn dwar l-Istat tal-Vatikan.

L-Arċisqof Gallagher innota li l-materjal f’dawn id-dokumenti juri l-ħidma tal-protagonisti ta’ dak iż-żmien, fosthom Monsinjur Montini li wara sar il-Papa Pawlu VI.

It-Tieni Gwerra Dinjija u l-Gwerra Bierda

Diversi dokumenti fl-arkivji huma dwar il-ħidma tal-Papa f’dawk iż-żminijiet. Minnhom il-Papa Piju XII joħroġ bħala “difensur kbir tal-umanità, bniedem inkwetat ħafna dwar il-futur tal-bniedem f’dawk is-snin terribbli, xi ħadd li kien sensittiv ħafna u nkwetati għal dawk li kienu qed ikunu persegwitati, xi ħadd li kien l-oġġett ta’ mibegħda tan-Nazisti u l-Faxxisti.

Id-dokumenti juru li dawk l-attakki ma kienux diretti biss lejn il-persuna tal-Papa Piju XII imma lejn il-Knisja Kattolika b’mod ġenerali.

Id-dokumenti jitfgħu wkoll dawl dwar il-bidu tal-Gwerra Bierda.

L-Arċisqof Gallagher li l-arkivji juru s-sehem li kellu l-Papa Pacelli u l-Kardinal Casaroli fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra u l-ħidma tar-reliġjużi u qassisin li kienu qed jippruvaw jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet Sovjetiċi lokali, biex jippruvaw isisbu mod kif il-Knisja setgħet taħdem, anke jekk b’mod diffiċli.

Diġitaliżazzjoni

Id-diplomatiku tal-Vatikan spjega l-vantaġġi li jkollox arkivji diġitalizzati.

Wieħed mill-vantaġġi hu l-possibiltà li tikkonserva dawn id-dokumenti għax meta jkunu diġitalizzati, in-nies ikunu jistgħu jaċċessawhom iżda ma jkollhomx bżonn jaqilgħu d-dokument minn postu u ma jkollhomx għalfejn imissuhom u ma jkunux esposti għall-effetti tal-atmosfera.

Vantaġġ importanti ieħor hu l-faċilità li biha d-dokument jista’ jkun aċċessat għax hemm inventarji u katalgi li jagħmlu aktar faċli biex ikunu konsultati. Dan ifisser ukoll li numru ta’ persuni jkunu jistgħu jaħdmu fuq l-istess dokument fl-istess ħin u dan hu ta’ vantaġġ kbir kemm għall-istoriċi kif ukoll għall-istudenti.