L-arkivji ta’ Ġużè Chetcuti issa fil-librerija tal-Università

Il-Librerija tal-Università ta’ Malta ngħatat l-arkivju ta’ Ġużè Chetcuti mill-familja tal-awtur. Il-materjal jinkludi manuskritti, kotba, ittri, kitbiet fil-gazzetti, ritratti, u tifkiriet oħrajn li żamm Ġużè Chetcuti.

Dawn issa jinsabu fit-taqsima tal-Arkivji tal-Librerija tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq. Ir-riċerkaturi jistgħu jfittxu dan il-materjal direttament minn fuq OAR@UM jew permezz tas-sistema Hydi fuq is-sit elettroniku tal-Librerija.

Il-preżentazzjoni ta’ din il-kollezzjoni saret nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar. 

Chetcuti kien rumanzier u drammaturgu ewlieni u kiteb ukoll għadd ta’ xogħlijiet letterarji oħrajn, fosthom poeżiji, kitbiet għall-mezzi tax-xandir u studji dwar l-ilsien Malti u dwar il-letteratura. L-awtur ħadem mill-qrib ma’ wħud mill-protagonisti tal-istorja tal-Malti, fost l-oħrajn fl-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti.

“Kollezzjoni sinjura fiċ-ċokon tagħha”

L-arkivista li ħadmet fuq din il-kollezzjoni, Antida Mizzi, qalet li minkejja li qatt ma ltaqgħet ma’ Ġużè Chetcuti, ħassitha li saret tafu mill-qrib permezz tal-arkivju tiegħu, li jinkludi għadd ta’ ittri. Mill-karti jidher li kien bniedem organizzat ħafna u rett f’xogħlu. Barra minn hekk, “Fil-kollezzjoni nsibu studji sħaħ ta’ kif għandu jinkiteb il-Malti u oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-kitba tal-Malti għall-eżamijiet tal-Matrikola. Studji oħra huma dwar kif għandu jinbena komponiment, u x’nistennew mill-istudenti.” 

Bħala xhieda tal-imħabba tiegħu għal-letteratura Maltija, Mizzi semmiet it-taħżiż ta’ għadd kbir ta’ poeżiji u t-traduzzjonijiet għall-Ingliż u t-Taljan u mill-Franċiz. Minħabba n-namra li kellu għat-teatru, fil-kollezzjoni hemm għadd ta’ drammi, mhux biss bil-Malti imma anki bl-Ingliż u bit-Taljan. Skont Antida Mizzi, “għalkemm din il-kollezzjoni mhix kbira, hija sinjura fiċ-ċokon tagħha u toffri ħafna lok għar-riċerka.” 

ĠUŻÈ CHETCUTI: 100 SENA MINN TWELIDUL-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin qed iħejju serata kommemorattiva…

Posted by Akkademja tal-Malti on Thursday, July 10, 2014

Il-Prof. Carmen Sammut, Pro-Rettur għall-Affarijiet tal-Istudenti u l-Impjegati u l-Kuntatt mal-Komunità saħqet li jeħtieġ li l-Università tieħu l-inizjattiva biex tiġbor il-materjal ta’ personalitajiet ewlenin, speċjalment nisa li kellhom sehem importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.

Id-Direttur tal-Librerija Kevin J. Ellul tkellem fuq l-importanza ta’ din il-kollezzjoni ta’ Chetcuti, wieħed mill-protagonisti tal-lingwa u l-letteratura Maltija fis-seklu 20. Id-Direttur radd ħajr lill-Prof. Carmen Sammut u lill-Prof. Adrian Grima tal-ħidma tagħhom biex il-Librerija kisbet dan l-arkivju. Is-Sur Ellul tkellem ukoll dwar il-proġett tal-Librerija li tittrasforma waħda mis-swali ewlenin tal-binja f’arkivju ikbar u mgħammar bit-teknoloġija l-aktar avvanzata għall-preżervazzjoni tal-materjal li tirċievi.

“Ir-rumanzi ta’ Chetcuti mistoqsija kontinwa dwar il-ħtija”

Il-Prof. Bernard Micallef, mid-Dipartiment tal-Malti, li kiteb l-ewwel teżi tiegħu dwar “Ħjiel ta’ Realiżmu fil-Letteratura Maltija: Ġużè Chetcuti” (1987), qal li għalih, Chetcuti jispikka bħala rumanzier għax baqa’ fidil lejn il-filosofija Determinista u l-ħsieb Pożittivista li fuqhom bena n-narrattiva Realista tiegħu. Ir-rumanzi ta’ Chetcuti sejħilhom “mistoqsija kontinwa dwar il-ħtija.” 

“Bqajt għal dejjem napprezza,” qal il-Prof. Micallef, “kif bniedem metikoluż bħal Chetcuti, li rreġistra u ddokumenta b’reqqa d-dinja ta’ żmienu, silifni r-rumanzi tiegħu, illegati minnu stess, li ma kinux jinstabu għall-bejgħ, meta mort id-dar tiegħu u għidtlu li kont se nagħmel it-teżi fuq in-narrattiva tiegħu.”