L-arkivji ta’ Agatha Barbara issa għand l-Università ta’ Malta

Il-familja tal-eks President Agatha Barbara tat donazzjoni tal-arkivji personali tagħha lill-Università ta’ Malta. Barbara kienet l-ewwel mara eletta fil-Parlament Malti u l-ewwel President ta’ Malta li kienet mara.

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi qal li l-arkivji li ngħataw jitfgħu dawl fuq il-ħidma ta’ Barbara u l-istorja tagħha. Fost id-depożitorju li ngħata lill-Università hemm dokumenti marbutin ma’ meta kienet Ministru u President. Hemm ukoll it-taħrika ta’ meta Agatha Barbara kienet weħlet xahar ħabs wara li kienet ipparteċipat fl-irvellijiet tal-1958.

Intqal li dawn l-arkivji jagħmlu parti minn proġett tal-Università ta’ Malta biex il-pubbliku jkollu l-opportunità jifhem aħjar is-sehem ta’ din il-mara fl-istorja politika ta’ Malta.

Il-wirja “Il-Mixja tal-Mara fil-Politika” fl-Università l-Antika se tibqa’ miftuħa sat-28 ta’ Ġunju.