L-arkata ta’ Wignacourt se tinbena mill-ġdid

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru George Pullicino sostna li bil-bini mill-ġdid tal-arkata ta’ Wignacourt se jkun tkompla l-proġett tar-restawr li sar fuq il-mixja tal-ilma fi żmien l-ordni ta’ San Ġwann mir-Rabat sal-Belt Valletta.

Intqal li din l-arkata se sservi wkoll ta’ monument lil Gran Mastru Alof de Wignacourt li xpruna u ħallas biex jinbena l-Akwedott u jitwassal l-ilma mir-Rabat ghal Belt Valletta fl-1615. L-Arkata se tagħti wkoll ġieħ lil 600 Malti li ħadmu fuq l-10 mili tal-akwedott għal 5 snin sħaħ.

Il-Ministru Pullicino fakkar ukoll li f’din il-leġislatura flimkien mal-akbar proġett ta’ restawr tas-Swar saru 60 proġett ta’ restawr fl-irħula u l-ibliet fosthom 15 -il kappella u 30 proġett ta’ restawr fil-Belt Valletta.

Min-naħa tiegħu, l-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech sostna li din hi aħbar tajba mhux biss lir-residenti ta’ dawn l-inħawi, iżda ghal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kultura u l-istorja Maltija. Intqal li l-proġett se jsir b’investiment ta’ €280,000 iffinanzjati mill-Gvern kif ukoll mill-Bank of Valletta.