L-Arkadia b’basktijiet tax-xiri ġodda

Ir-reputazzjoni tal-Arkadia li llum kisbet isem mill-aqwa, dejjem kienet assoċjata mal-kwalitá, kemm fil-prodotti tal-ikel, kif ukoll fis-servizzi li ġew irrikonoxxuti permezz ta’ ċertifikati u premjijiet, jew kunċetti innovattivi fis-suq.
L-aktar kunċett riċenti ta’ livell għoli huwa l-basket tax-xiri li jista’ jintuża għal ħafna skopijiet oħra, disinjat mill-artist lokali Luciano Micallef.
Id-dehra l-ġdida tmur lil hinn mill-immaġini tipika ta' prodotti tal-ikel stampati fuq il-basket u tersaq iktar lejn l-idea ta’ pittura artistika.
Meta kien avviċinat biex jiddisinja l-basket ġdid, l-artist Luciano Micallef kien interessat u kurjuż bl-idea, “minħabba li l-attitudni ma kinitx bħal dik li jiġu bihom ħafna, u kont ħerqan biex niddiskuti l-inkarigu ta' xogħol li kont mitlub nagħmel.”
Ġeneralment, basktijiet simili jkollhom dehra grafika li tirreklama kemm l-isem ta' fama tal-prodott kif ukoll biex jinbiegħ il-prodott f'dak l-istabbbiliment speċifiku. Madankollu, l-artist Micallef, b'intenzjoni, żamm 'il bogħod milli jipproduċi immaġini evidenti ta' prodotti li jinstabu f'supermarket, u minflok ħoloq il-marka tal-prodott li tinfiltra b'immaġini astratta mimlija kuluri.
Id-dehra astratta xorta turi l-konnotazzjonijiet varji relatati mal-prodotti tal-ikel, partikolarment il-kuluri tagħhom bħalma hu l-aħdar tal-ħxejjex, u l-kuluri isfar u aħmar abbinati mal-frott.