Mons. Alfred Xuereb jasal il-Korea; entużjast biex jegħleb l-ostakli

Mons Alfrd Xwereb

L-Arċisqof Mons. Alfred Xuereb illum beda l-missjoni diplomatika tiegħu fil-Korea t’Isfel u l-Mongolja fejn bagħtu l-Papa Franġisku, li nhar il-Ħamis li għadda qaddes miegħu qabel beda din il-missjoni.
Mal-wasla tiegħu fil-Korea, Mons. Xuereb, li huwa Għawdxi u għandu 59 sena, qal li għandu tama li minkejja l-ħafna diffikultajiet, ir-relazzjonijiet bejn il-Korea ta’ Fuq u t’Isfel jistgħu jitjiebu u jwasslu għal rikonċiljazzjoni.
Stqarr li l-Papa Franġisku qallu biex jassigura li l-poplu Korean u l-Isqfijiet ikomplu jitolbu li l-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom futur ta' stabbiltà u prosperità. 
“Il-proċess ta’ paċi bejn iż-żewġ Korei li beda bil-laqgħa storika bejn il-mexxejja tal-Korea ta’ Fuq u t’Isfel fis-27 ta’ April li għadda, joffri tama qawwija”, qal l-Arċisqof Xuereb. “It-triq għadha fil-bidu u se tkun waħda twila b’ħafna ostakli li jridu jingħelbu".
B'entużjażmu, Mons. Xuereb qal li lill-Papa qallu li aċċetta din il-proposta b'ħeġġa kbira, għax iħoss li l-Mulej sejjaħlu biex imur il-Korea biex jagħmel il-ġid. 
L-Arċisqof Xuereb se jibda l-ħidma diplomatika tiegħu fi żmien meta r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jidher li qed jitjiebu. Teknikament il-Korea ta’ Fuq u t’Isfel ilhom fi gwerra mill-1950 meta kien hemm il-Gwerra tal-Korea li ntemmet b’armistizju u mhux bi ftehim ta’ paċi.
Il-Papa Franġisku stieden lill-Knisja kollha biex tappoġġja dan il-proċess ta’ paċi biex il-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikollhom futur ta’ armonija u prosperità”, żied jgħid in-Nunzju Appostoliku f’intervista ma’ Vatican News.
Żied jgħid li fl-aħħar 23 sena, il-Knisja Kattolika fil-Korea t’Isfel kienet tiltaqa’ kull nhar ta’ Tlieta fil-Katidral ta’ Seoul biex titlob għall-għaqda bejn iż-żewġ pajjiżi.
“Jien ċert li l-Madonna mill-ġenna titfa’ ħarsa ta’ ħniena fuq uliedha fil-Korea”, qal in-Nunzju.
Mons. Xuereb serva lill-Papa Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI u lill-Papa Franġisku.
Hu jaqbel mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan il-Kardinal Pietro Parolin li “hemm tama kbira għall-peniżula Koreana”. Hu qal li l-Knisja Kattolika għandha sehem importanti fil-proċess ta’ riunifikazzjoni u trid tkompli tevanġelizza u toffri l-kontribut tagħha, anke fuq livell diplomatiku biex jintlaħaq il-ftehim mixtieq.