Filmat: L-Arċisqof u mexxej tal-immigranti fil-każin tal-banda fil-Marsa

Mons. Arċisqof Charles Scicluna stieden lil Ahmed Bugre, direttur tal-Foundation for Shelter and Support to Migrants (FSM) biex wara l-quddiesa li l-Arċisqof iċċelebra fil-Knisja parrokkjali ddedikata lit-Trinità jżur l-Każin tal-Banda tal-lokal.

F’dawn l-aħħar ġranet, il-każin kien f’kontroversja wara li rapporti fil-gazzetta Malta Today  allegaw illi immigranti ta’ karnaġġjon skur mhux qed jitħallew jidħlu fil-każin. Kien Bugre nnifsu, li huwa wkoll ċittadin Malti, avukat u pastor Evanġeliku, li rrakkonta lill-gazzetta li meta xi żmien ilu daħal jieħu kafè fil-każin kien infurmat illi ma jistax jibqa’ hemm għax ma kienx membru. Huwa qal li jemmen li għamlulu hekk għax mhux abjad.

L-Arċisqof u Dr Bugre kienu milqugħa mill-uffiċjali ewlenin tal-każin u magħhom kellhom diskussjoni kordjali ħafna.

F’kumment li għamel l-Arċisqof wara l-laqgħa qal li importanti li n-nies tal-lokal u l-immigranti li joqogħdu fil-Marsa jirrispettaw lil xulxin u jifhmu lil xulxin. Huwa qal li jittama illi din il-laqgħa tkun bidu ta’ djalogu bejn il-komunitajiet differenti. Huwa rringrazzja wkoll  lill-uffiċjali tal-każin.