L-Arċisqof u l-Kamra tal-Kummerċ jiddiskutu l-governanza tajba

Read in English.

Delegazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ ippreżentat lill-Arċisqof Charles Scicluna b’dokument dwar il-governanza tajba bl-isem “Ethical Business Calls for Change – a manifesto for Good Governance by the Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry.”

Il-President David Xuereb qal li l-Kamra tal-Kummerċ mhix tillimita ruħha li tipponta subgħajha lejn oħrajn biex iġibu lura l-governanza tajba f’Malta, imma qed tħares lejn il-komunità tan-negozju u tipproponi azzjonijiet li għandhom jieħdu n-negozji nfushom.

Approċċ etiku lejn in-negozju

Dan hu dokument li l-Kamra tal-Kummerċ kitbet bl-għajnuna ta’ grupp multidixxiplinarju biex jipproponi rakkomandazzjonijiet konkreti fuq is-suġġett ta’ governanza tajba.

L-Arċisqof laqa’ din l-inizjattiva u ddeskriva d-dokument bħala pass fid-direzzjoni t-tajba. Enfasizza l-importanza tal-prinċipji tal-governanza tajba, filwaqt li insista fuq l-importanza tal-kontabbiltà u t-trasparenza fil-livelli kollha tas-soċjetà, kemm fis-settur privat, kif ukoll fil-Knisja.

L-Arċisqof qal li dawk fit-tmexxija għandhom responsabbiltà akbar biex jassiguraw distribuzzjoni ekwa u ġusta tal-flus, skont il-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-ġid komuni. Xuereb qal li l-Kamra tal-Kummerċ tistma r-raġunamenti tal-Arċisqof, speċjalment fuq is-suġġetti marbutin mal-kontabbiltà, it-trasparenza u l-governanza tajba.

Il-President spjega xi spikka fid-dokument tal-Kamra u qal li l-Kamra hi kommessa li tara li ħafna mis-60 rakkomandazzjoni li saru jiġu implimentati.

Il-Kamra tal-Kummerċ sikwit tleħħen ħsibijietha fuq il-governanza tajba. Dan ix-xahar hija ħeġġet lill-Gvern biex jissospendi l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, “… biex ikun assigurat li kull investigazzjoni li tkun meħtieġa kif ukoll kull proċess ta’ due diligence, ikunu qed isiru u jkun assigurat li l-livelli għolja imposti taħt din l-iskema kif ukoll taħt skemi oħra ta’ residenza u ċittadinanza jkunu qed jiġu segwiti”.

Hija faħħret ukoll l-aġir tal-Prim Ministru Robert Abela fl-ewwel ġimgħa tiegħu, billi laqa’ r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u ta’ Justyne Caruana minn Ministru għal Għawdex. Sejħet l-aġir ta’ Abela bħala dak ta’ “tolleranza żero.”