L-Arċisqof ta’ Togo jfakkar lill-President li hu “qaddej tal-poplu”

Partitarji tal-Oppożizzjoni waqt protesta li saret f’Lome, Togo. (Credit: CNS photo/Reuters.)

Waqt il-Quddiesa sollenni  fl-okkażżjoni tal-ħatra tiegħu bħala Arċisqof ta’ Lomè, il-kapitali ta’ Togo, Mons Nicodeme Barrigah-Benissan, fakkar lill-President tal-pajjiż, li kien preżenti għaċ-ċerimonja li l-kandidati għall-presidenza tal-pajjiż għandhom ikunu “qaddejja tal-poplu”.

Iċ-ċerimonja tal-istallazzjoni tal-Arċisqof il-ġdid saret ftit ġimgħat biss qabel fit-22 ta’ Frar, fil-pajjiż se jkun hemm l-elezzjoni presidenzjali f’dan il-pajjiż li jinsab fil-lvant tal-Afrika. Il-President Faure Gnassingbe li qed jerġa’ jikkontesta l-presidenza, kien preżenti għall-Quddiesa.

“Dawk li b’mod liberu u skont il-kuxjenza tagħhom jiddeċiedu li jippreżentaw lilhom infushom bħala kandidati għandhom jifhmu li din il-pożizzjoni privileġġjata li qed ifittxu li jkollhom, essenzjalment hi waħda ta’ qaddej tal-poplu”, qal l-Arċisqof il-ġdid.

 “Il-kandidat m’għandux iqis l-avversarji politiċi tiegħu bħala għedewwa imma bħala aħwa li wkoll għandhom il-viżjonijiet tagħhom għall-iżvilupp tal-pajjiż”, żied jgħid ir-Ragħaj Spiritwali.

Hu qal li l-kwalitajiet tal-persuna li tkun eletta għall-ogħla pożizzjoni fil-pajjiż tiddetermina x’tip ta’ progress ekonomiku u soċjo-politiku jagħmel il-pajjż fil-ħames snin li ġejjin.

Mons. Barrigah-Benissan qal li l-politika m’hix biss l-użu tal-poter u l-immaniġġjar tar-riżorsi u l-kriżijiet, imma fuq kollox hi sejħa biex wieħed iservi, “djakonat lajk” li jġib ‘l quddiem il-ħbiberija soċjali u l-ġid komuni.

Elezzjoni ġusta

L-Arċisqof qal li dan is-servizz irid jidher anke fil-mod li bih il-President il-ġdid ikun elett – permezz ta’ elezzjoni ġusta.  Hu appella lill-eletturi biex jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom u ma jbiegħux il-vot.

Il-President Gnassingbé, li ilu fil-poter mill-2005, wara l-mewt ta’ missieru, aktarx li se jkun l-uniku kontestant fl-elezzjoni għax diversi kandidati potenzjali oħra rtiraw mit-tellieqa minħabba li ma sarux ir-riformi elettorali mixtieqa.

Gerry Komandega Taama, President tan-New Togolese Commitment Party qal “Li wieħed jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali fil-kundizzjonijiet attwali hi ħaġa inċerta ħafna għax il-partit l-oħra tal-Oppożizzjoni m’humiex preparati”.

Aspirant ieħor għall-kariga, Sodji Gabriel, fundatur tal-Knisja “Favored of God”, irtira wkoll mit-tellieqa presidenzjali.

Sadattant, il-Partit Togolese Alternative Bloc for Republican Innovation (BATIR) Party offra li jidħol f’alleanza mal-partit tal-President Gnassingbe.

F’Novembru li għadda l-Isqfijiet tat-Togo appellaw lill-Gvern biex fl-aħjar interessi tal-pajjiż jagħmel ir-riformi meħtieġa biex jissaħħaħ il-qafas elettorali qabel l-elezzjonijiet Presidenzjali ta’ din is-sena.

L-Isqfijiet sostnew li l-elezzjonijiet ikunu kredibbli biss wara tibdil fil-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Elettorali, reviżjoni tal-liġi elettorali u t-twaqqif ta’ Reġistru Elettorali kredibbli.  Iżda minn dan kollu ma sar xejn.

Protesti mill-Oppożizzjoni

Esperti huma mħassba li l-elezzjoni ta’ din is-sena m’hi se sservi għal xejn għax i-President attwali, Faure Gnassingbe injora l-protesti kbar li kien hemm fil-pajjiż biex hu ma jerġax jikkontesta għal din il-kariga.

Gnassingbé reġa’ kien elett President tat-Togo fl-2010 u ħames snin wara biex diġa’ ilu jmexxi l-pajjiż għal tliet mandati.  Iżda l-Oppożizzjoni ssostni li hu seraq l-aħħar elezzjoni lil Jean Pierre Fabre, il-mexxej tal-Oppożizzjoni.

F’Settembru tal-2017, l-Oppożizzjoni fit-Togo, komposta minn koalizzjoni ta’ 14-il partit, kienet ivvutat kontra liġi biex il-President tal-pajjiż ma jkunx jista’ jibqa’ fil-poter għal aktar minn żewġ termini u dan ta ċ-ċans lil Gnassingbe biex jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali ta’ din is-sena u anke dik tal-2025. Dan għamlitu għax dik l-istess liġi kienet tagħti lill-President immunità tul ħajtu għal atti li wettaq tul il-presidenza.

L-Oppożizzjoni ibbojkottjat ukoll l-elezzjonijiet għall-Parlament li saru fl-2018, li l-Isqfijiet kienu appellaw biex ikunu posposti.