L-Arċisqof ta’ Pariġi jgħid li Notre Dame isaħħaħ it-twemmin fir-Resurezzjoni

L-Arċisqof Michel Aupetit ta’ Pariġi jiċċelebra quddiesa fil-knisja storika ta’ San Eustache, wara l-ħruq fil-Katidral ta’ Notre Dame (Credit: CNS.)

Din is-sena, f’Pariġi, Ħadd il-Għid serva biex ifakkar lill-Kattoliċi li s-salvazzjoni u ħajja ġdida huma l-essenza tal-fidi Kattolika.

Fl-omelija li għamel fil-Knisja ta’ San Eustache, l-Arċisqof ta’ Pariġi, Michel Aupetit qal li l-ewwel mistoqsija li ġietu f’moħħu meta nħaraq il-Katidral ta’ Notre Dame ftit jiem qabel, kienet kif se jsalvaw il-Ġisem ta’ Kristu fl-Ewkaristija, il-ħaddiema tas-salvataġġ.

 Huwa fakkar fil-passaġġi tal-Vanġeli meta d-dixxipli ta’ Ġesù sabu l-qabar vojt u dak li qalet Marija Madalena liż-żewġ appostli, Pietru u Ġwanni: “Il-Mulej ħaduh mill-qabar u ma nafux fejn poġġewh”.

Fejn hu l-Ġisem ta’ Kristu?

“Fejn hu l-Ġisem tal-Mulej? Din kienet il-mistoqsija li qamet nhar it-Tnejn filgħaxija meta l-Katidral ta’ Notre Dame kien għadu qed jaqbad: Fejn hu l-Ġisem ta’ Kristu? Kien importanti li jkun salvat il-Katidral, it-teżori li kien hemm fih miġbura tul is-sekli. Kien meħtieġ ukoll li nsalvaw il-Kuruna tax-Xewk ta’ Kristu li hi tant prezzjuża għalina l-insara”, żied jgħid Mons. Auptetit.

Hawnhekk irripeta frażi li qal diversi drabi f’inervisti li ta matul il-ġimgħa li ilu li nħaraw il-Katidral, li “Notre Dame ma nbeniex biex jaħżen it-teżori, imma biex jilqa’ fih il-Ġisem ta’ Kristu. Dan il-Katidral inbena biex jilqa’ fih il-Ġisem ta’ Kristu taħt l-ispeċi tal-ħobż”.

“X’inhu l-aktar prezzjuż? Il-Katidral, it-teżori li hemm fih, jew l-Ostja Mqaddsa?” staqsa l-Kardinal. Filwaqt li ammetta li l-bini mill-ġdid tal-Katidral ta’ Notre Dame kienet prijorità sostna li dawn l-isforzi m’għandhomx inaqqsu mill-vera raġuni għall-eżistenza tal-Katidral.

Irridu nsalvaw il-Katidral

“Irridu nsalvaw il-Katidral”, qal l-Arċisqof. “Dan il-post maestuż kien maħsub biex ikun manifestazzjoni kbir tal-ġenju uman li jagħti qima lill-imħabba t’Alla li ta lilu nnifsu għax iħobbna u biex jagħti lilu nnifsu sar wieħed minnha.”

L-Arċisqof faħħar ukoll lill-pumpiera tat-tifi tan-nar u l-Kappillan tagħhom Fr Jean-Marc Fournier li daħlu fin-nirien tal-Katidral biex isalvaw ir-relikwi u l-Ewkaristija. “Fr Fournier ukoll irriskja ħajtu biex isalva dik i l-biċċa ħobż għax dik hi l-Ġisem ta’ Kristu Rxoxt li llum qed niċċelebraw, kif nagħmlu kull nhar ta’ Ħadd li hu jum il-Qawmien tiegħu mill-Mewt”, qal Mons. Aupetit.