L-Arċisqof ta’ Canterbury jingħaqad mal-Papa fil-kundanna tal-Fake News

L-Arċisqof Justin Welby ta’ Canterbury, kompla fejn ħalla l-Papa Franġisku ftit jiem ilu u fl-Ittra tal-Milied lill-Isqfijiet Anglikani madwar id-dinja, ikkundanna l-“Fake News” u bagħat kopja tal-Ittra anke lill-Papa stess.
Welby għamel riferenza għal żjara li għamel riċentement f’Iżrael fejn żar Nazaret u talab fil-post fejn l-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Marija li kellha ssir omm Alla, kif ukoll Betlehem u l-Knisja tas-Santu Sepurklu.
Fl-Ittra tiegħu jagħmel kuntrast bejn l-aħbar il-falza u l-aħbar it-tajba li nsibu fl-Evanġelju: “L-Evanġelju, l-istorja tas-salvazzjoni hi tassew aħbar tajba. L-Evanġelju ta’ San Luqa jirrakkonta l-aħbar it-tajba mxandra lir-ragħajja. Fuq l-għoljiet ta’ Betlehem l-Anġlu tal-Mulej deher u wassal l-aħbar it-tajba li ma kienet xejn għajr it-twelid tas-Salvatur, Kristu u Alla”.
“Din is-sena f’diversi partijiet tad-dinja tgħallimna frażi ġdida. Din il-frażi hi “aħbar falza”. L-aħbar falza hi diżonesta; hi aħbar falza maħluqa apposta biex tikkonfondi, tqarraq u tħarbat. L-aħbar il-falza hi użata bħala arma biex jinkiseb vantaġġ diżonest u tfixkel id-dibattitu u d-diskussjoni onesta".
“Din hi l-antitesti tal-aħbar it-tajba. L-aħbar falza ma hi xejn ħlief gideb u mhux ġejja minn Alla.  Imma aħna, bħall-Anġli, irridu nwasslu l-aħbar it-tajba u bħar-ragħajja nirċievu l-aħbar it-tajba".
“L-aħbar it-tajba hi tajba għal kulħadd, għall-popli kollha, hi x’inhi s-sitwazzjoni tal-ħajja tagħhom. Hi aħbar tajba għall-politiċi u l-mexxejja imma hi wkoll aħbar tajba għar-refuġjati u dawk li kellhom jaħarbu minn djarhom u li qed ikomplu jaħarbu mill-periklu biex ifittxu s-sigurtà u futur aħjar”, qal l-Isqof ta’ Canterbury fl-Ittra tiegħu.
L-Arċisqof Welby jikkwota minn poeżija ta’ riflessjoni fuq San Luqa miktuba mill-poeta Anglikan Malcolm Guite u li qed nirriproduċu fl-oriġinal tagħha:
‘He breathes good news to all who bear a burden 
Good news to all who turn and try again, 
The meek rejoice and prodigals find pardon, 
A lost thief reaches paradise through pain, 
The voiceless find their voice in every word 
And, with Our Lady, magnify Our Lord.’

Il-Mexxej tal-Anglikani għalaq l-Ittra tiegħu hekk: “F’dan il-Milied, nitlob biex bħala nsara, b’vuċi waħda nipproklamaw mill-ġdid l-aħbar it-tajba tas-Salvazzjoni. U nwarrbu l-aħbar il-falza”.