L-Arċisqof ta’ Canterbury jeżamina l-istat li tinsab fih l-Ingilterra

L-Ingilterra tinsab f’perjodu importanti kemm politikament kif ukoll moralment, skont l-Arċisqof ta’ Canterbury li jagħmel din it-twissija fi ktieb li se jkun ippubblikat ix-xahar id-dieħel fl-Ingilterra.
Il-ktieb intitolat “Reimagining Britain: Foundations of Hope” se joħroġ fit-8 tax-xahar id-dieħel u bih l-Arċisqof Welby qal li jrid jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar il-futur tal-pajjiż, partikolarment wara Brexit.
F’intervista mal-gazzetta “Church Times”, l-Arċisqof qal: “Naħseb li qegħdin f’wieħed minn dawk il-mumenti li jseħħ kull tliet jew erba’ ġenerazzjonijiet, fejn għandna l-opportunità u l-ħtieġa li naraw kif irridu tkun is-soċjetà tagħna fiż-żminijiet tal-lum”.
Fil-ktieb, Welby jipproponi li li l-Kristjaneżmu għandu parti vitali għall-futur tas-soċjetà u jista’ jkun il-forza li ġġib il-bidla. Il-Kristjaneżmu jibqa’ fundamentali għall-etika u l-valuri tal-Ingilterra.
Fi ktieb ieħor li kien ħareġ bl-isem ta’ “Dethroning Mammon”, l-Arċisqof ta’ Canerbury jeżamina l-etika u l-prattiċi tas-swieq finanzjarji.
Iżda fil-ktieb il-ġdid imur 'l hinn minn hekk u jħares lejn riformi possibbli fl-oqsma tal-akkomodazzjoni soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni. Iħares ukoll lejn l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni.
Huwa qal li fil-ktieb jagħmel il-mistoqsija: X’tip ta’ soċjetà timla ħajjitna bi skop u bit-tama?
Is-sottotitlu tal-ktieb "Pedamenti ta’ Tama", hu kruċjali għall-argumenti tiegħu għax hu jemmen li l-pajjiż għandu bżonn dibattitu dwar “x’inhi l-ħolma tagħna biex ikollna futur mimli tama għas-snin li ġejjin?"
L-Arċisqof Welby jsostni li l-Ingilterra għandha bżonn toħloq mill-ġdid il-bidla u r-riforma straordinarja li esperjenzat wara l-gwerra taħt gvernijiet Laburisti u Konservattivi li kienu riżultat tat-teorija ta’ Keynes dwar l-ekonomija.