L-Arċisqof ta’ Brisbane jirrifjuta li jikser is-sigriet tal-qrar f’każi ta’ abbuż tat-tfal

L-Arċisqof Mark Colerdige ta' Brisbane fl-Awstralja

Mons. Mark Collerdige, l-Arċisqof Kattoliku tad-djoċesi ta’ Brisbane fl-Awstralja għamel sottomissjoni formali li topponi l-pjan tal-Gvernatur tal-Istat li jagħmel liġi li ġġiegħel lis-saċerdoti jirrappurtaw lill-awtoritajiet abbużi sesswali li jsiru jafu bihom fil-Qrar. Hu qal li s-sigriet tal-Qrar m’għandux jinkiser.

L-Istat ta’ Queensland qed jipproponi riforma għal-Liġi tal-abbużi sesswali fuq it-tfal, wara li r-Royal Commission li kienet inħatret biex tivestiga dawn l-abbużi, fir-rapport tagħha rrakkomandat li jkun hemm tibdil fejn jidħlu r-regoli tas-segretezza. L-abbozz bħalissa qed ikun kunsidrat mill-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Legali u s-Sigurtà tal-Komunitajiet.

L-Arċisqof Coleridge qal li filwaqt li l-Knisja hi kommessa b’mod ċar u b’saħħtu favur il-protezzjoni tat-tfal, li jinkiser is-sigriet tal-Qrar “ma jagħmel ebda differenza għas-sigurtà tat-tfal”.

Qaddej ta’ Alla

Żied jgħid li l-liġi proposta, f’dan il-punt kruċjali tagħmel lis-saċerdot aġent tal-Istat flok Qaddej ta’ Alla.

“Membri tal-kleru nqatlu għax irrifjutaw li jobdu ordnijiet ta’ xi stat biex jiddefendu d-dritt tal-penitent quddiem Alla u d-drittijiet ta’ Alla quddiem il-penitent”.

Mons. Coleridge qal li “kultant jingħad li s-sigriet tal-Qrar għandu jispiċċa għax hu parti minn kultura ta’ segretezza u ħabi. Il-Knisja tiċħad din l-akkuża u tinsisti li s-sigriet tal-Qrar hu garanzija ta’ kultura li tgħin wieħed jistqarr kollox u dan hu l-oppost ta’ ħabi”.

Barra minn dan l-Arċsqof qal ukoll li l-kxif tas-sigriet tal-Qrar kellu wkoll limitazzjonijiet prattiċi għax ħafna drabi l-Qrar huwa anonimu. Jekk jitneħħa dan is-sigriet min iwettaq abbuż jew il-vittma, ikunu anqas preparati li jitkellmu dwar l-abbuż waqt il-Qrar għax ma jkollhomx il-kunfidenza li dak li jgħidu lis-saċerdot jibqa’ sigriet.

Xejn ħabi

“Is-sigriet tal-Qrar jirrikonoxxi d-dritt tal-midneb li jersaq lejn Alla b’mod ħieles.  Jippermetti lil penitent li jitkellem b’mod miftuħ ma’ Alla u ma jaħbi xejn minnu, Hu li jara kollox u jaħfer kollox”, żied jikteb l-Arċisqof.

Din il-pożizzjoni tal-Arċisqof Kattoliku tikkuntrasta mal-pożizzjoni tal-Knisja Anglikana li ddikjarat li, “is-Sinodu Ġenerali tal-Knisja Anglikana għadda liġi li tippermetti lill-kleru Anglikan li jobdi l-liġi tal-istat u jirrapporta każi ta’ abbużi fuq it-tfal u dan bla ma jkun qed jikser il-liġi tal-knisja dwar il-Qrar”.

Din is-sottomissjoni ffirmata minn Tim Reid, General Manager tal-Knisja Anglikana ta’ Queensland, tkompli tgħid li “fil-liġi tal-Knisja Anglikana ta’ dan l-Istat m’hemm ebda impediment li jipprojbixxi lil xi membru tal-kleru li jirrapporta informazzjoni dwar xi abbuż sesswali fuq tfal li jsir jaf bih waqt il-Qrar”.