Filmat: Il-migranti qed isofru inġustizzja – l-Arċisqof minn fuq il-Lifeline

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li d-49 migrant li bħalissa jinsabu fil-baħar Mediterran qed isofru “inġustizzja kbira”, waqt żjara li għamel fuq il-bastiment Lifeline li għadu maqbud minħabba każ fil-Qorti wara li kien salva 234 immigrant irregolari. 

Mission Lifeline ddeskriviet iż-żjara tal-Arċisqof abbord il-bastiment bħala waħda li tkompli turi l-intenzjoni tagħha li tilħaq is-soċjetà ċivili bit-tama li tinstab soluzzjoni.

Mons. Scicluna ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-għaqda Mission Lifeline u ddiskuta magħhom is-sitwazzjoni fil-Libja, il-liġi internazzjonali, il-ħidma tal-għaqda, u s-sitwazzjoni kurrenti tad-49 persuna li qed ifittxu l-ażil. Dawn għadhom qed jistennew port li jaċċetthom.

L-Arċisqof appella lill-Ewropa biex issib soluzzjoni immedjatament biex id-49 persuna li ilhom fuq il-baħar  għal 14-il ġurnata jidħlu f’port sigur.Skont l-Arċisqof, il-fenomenu tal-migrazzjoni huwa wieħed kumpless. “Il-ħajja umana hija prezzjuża u qatt ma għadhom isiru negozjati à skapitu tal-persuni li qed isofru”, saħaq l-Arċisqof.

Bħalissa hemm 49 persuna li ġew salvati u qed jinżammu fil-baħar territorjali ta’ Malta abbord il-bastimenti ta’ salvataġġ Sea Watch 3 u Professor Albrecht Plenck. Il-Mission Lifeline qalet li dawn huma persuni vulnerabbli u li bl-iktar mod krudili, qed jinżammu milli jidħlu fl-Ewropa fl-istess ħin li l-Ewropa qed tinjora l-obbligi marittimi u umanitarji tagħha.

Ikkwotat silta mill-ittra li ħarġu l-Isqfijiet Maltin li staqsew x’inhu l-punt li tkun Kattoliku li tfakkar fit-twelid ta’ Ġesù meta imbagħad tirrifjuta l-għajnuna li ħutek.

Aqra d-dettalji dwar l-ittra li l-Isqfijiet Maltin bagħtu lil COMECE.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, l-Arċisqof qal li d-djalogu kkonvinċih li l-kwistjoni hija tassew kumplessa però qal li wera l-bżonn ta’ kooperazzjoni biex tiġi ssalvagwardjata d-dinjità ta’ kull persuna. L-Arċisqof qal li s-sitwazzjoni wriet il-bżonn li l-Unjoni Ewropea trid taħdem bħala parti waħda. Fakkar li l-UE inbniet fuq il-prinċipju tas-solidarjetà permezz ta’ ħidma konġunta għall-protezzjoni tad-dinjità tal-persuni, huma min huma.

L-Arċisqof esprima l-appoġġ tiegħu lejn l-isforzi tal-Gvern biex ipoġġu r-responsabbiltà fuq stati membri oħra tal-UE biex jaġixxu fuq il-migrazzjoni. Fakkar kif wieħed dejjem għandu jżomm mal-fiduċja tiegħu fid-dinjità umana u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-proxxmu tiegħu.

Mission Lifeline kompliet tgħid li tifhem sewwa il-logħob tal-Gvernijiet li qalet qed jilgħabu “roulette” bil-ħajjiet ta’ persuni minflok ma juru solidarjetà. Fakkret kif xahar ilu biss, kienu ltaqgħu fil-Parlament Ewropew bħala n-nominati għall-Premju Shakarov għall-Ħelsien tal-Ħsieb, u llum qed jiġu miċħuda mill-istess istituzzjonijiet politiċi li kienu faħħru l-impenn tagħhom favur il-ħajja u l-valuri Ewropej.

Filwaqt li tirrikonoxxi l-isfidi tal-politika ta’ migrazzjoni, Mission Lifeline qalet li mhux se tħalli l-aspetti legali jnaqqsu l-valur tal-ħajja tal-bniedem.

Semmiet kif il-ħidmiet ta’ salvataġġ ta’ immigranti fil-Mediterran ma tbiddlux, iżda kien hemm tibdil fis-sistema politika.

Mission Lifeline sostniet li sakemm ikun hemm persuni li qed jaħarbu għal-libertà u s-sigurtà tagħhom, hija se tibqa’ toħroġ idejha għalihom b’ħarsien sħiħ tal-obbligi marittimi u ta’ drittijiet umani.