L-Arċisqof se jqaddes il-funeral ta’ Miriam Pace

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed iqaddes il-funeral ta’ Miriam Pace, il-vittma ta’ tiġrif traġiku li seħħ fil-Ħamrun it-Tnejn li għadda.

Il-funeral ta’ Pace se jkun qed isir illum fis-2pm fil-Bażilika tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Kemm Miriam, kif ukoll ir-raġel tagħha, Carmel Pace kienu devoti kbar tal-Madonna tal-Karmnu.

Intant, il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera se jħalli l-bnadar mezza lasta matul il-jum b’rispett għal Miriam Pace.

X’ġara nhar it-Tnejn?

Għall-ħabta tas-2.15pm it-Tnejn, il-Pulizija ġiet ifurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Antonio Miruzzi. Il-Pulizija talbet l-assistenza immedjata tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u timijiet mediċi mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Transport Malta sabiex jinżamm kontroll tat-traffiku.

Bdiet ħidma immedjata biex tiġi salvata mara maqbuda qalb t-tifrik tad-dar li waqgħet. Kelb tas-Sezzjoni K-9 tal-Protezzjoni Ċivili, imħarreġ apposta biex ifittex qalb bini mwaqqa’, indika post qalb it-tifrik fejn setgħet kienet il-mara. Kienu għall-ħabta tal-9.55pm, x’ħin instab il-katavru tal-mara. Wara li l-kadavru nħareġ, ittieħed fil-Kamra Mortwarja ta’ Mater Dei.

Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

Preżenti fuq il-post kien hemm uffiċjali mill-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sabiex jassistu lill-qraba tal-vittma u persuni oħra.