L-Arċisqof se jlaqqa’ lill-kappillani qabel iż-żjara tal-Papa

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna se jlaqqa’ lill-kappillani kollha bi tħejjija għaż-żjara tal-Papa Franġisku fil-31 ta’ Mejju.

Il-laqgħa tal-kappillani se ssir l-Erbgħa 12 ta’ Frar fid-9.30am fid-Dar tal-Kleru.

Bi tħejjija għal din iż-żjara, is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd li ġej se tinqara ittra pastorali fil-knejjes kollha.

Ilbieraħ, waqt il-quddiesa ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, l-Arċisqof stieden lill-President George Vella biex jaqra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Vatikan u mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, li tħabbar iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta.

Wara l-quddiesa, Newsbook.com.mt ħa l-kummenti tal-Arċisqof, tal-President, tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Jose Herrera u tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar din iż-żjara.

F’vox pop li sar minn Newsbook.com.mt mal-komunità Pawlina, kienu bosta dawk li stqarrew li kienu sorpriżi bl-aħbar taż-żjara, iżda oħrajn qalu li dejjem emmnu li l-Papa Franġisku kien se jżur Malta. Sostnew li jemmnu li din iż-żjara se sservi għat-tiġdid tal-fidi ta’ bosta Nsara, b’mod speċjali ta’ dawk li forsi fl-aħħar żmien tbiegħdu mill-Knisja.

Iż-żjara tal-Papa f’Malta waslet anke fuq l-aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali Reuters, li qalu li din qed titqies bħala rikonoxximent għall-ħidma tal-Arċisqof ta’ Malta.

Il-ġurnal spjega kif Malta kienet fiċ-ċentru ta’ numru ta’ diskussjonijiet mal-Italja u stati membri Ewropej oħrajn dwar min se jerfa’ r-responsabbiltà dwar bosta immigranti li jiġu salvati fil-baħar Mediterran mill-NGOs. Spjega kif bħall-Italja, kien hemm drabi fejn Malta ddeċidiet li tagħlaq il-portijiet tagħha għal dawn l-immigranti.