L-Arċisqof se jippreżenta l-punti ewlenin tal-Enċiklika tal-Papa Franġisku

Il-Membri Parlamentari u l-ambjentalisti huma fost dawk li ġew mistiedna mill-Arċisqof Charles Scicluna għall-preżentazzjoni tal-Enċiklika “Laudato Si’” (Imfaħħar Int, [Mulej]).
Il-preżentazzjoni ser issir nhar l-Erbgħa 24 ta’ Ġunju 2015, fis-7:00pm, fil-bitħa ċentrali tas-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù, ir-Rabat.
Għal din il-preżentazzjoni ġew mistiedna wkoll il-kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja u tal-Istat, il-Kappillani, rappreżentanti lajċi minn kull parroċċa f’Malta u rappreżentanti ta’ għaqdiet impenjati fil-Knisja.
Il-pubbliku huwa mistieden biex jattendi.
L-Arċisqof Scicluna kien tenna li huwa d-dmir tal-Knisja li titkellem dwar l-ambjent. 
Din l-Enċiklika hija l-ewwel dokument maġġuri tal-Knisja ddedikat kollu kemm hu għas-suġġett tal-ambjent.
Fiha, il-Papa Franġisku jitkellem dwar temi ekoloġiċi u jindirizza l-effetti ta’ kwistjonijiet ambjentali fuq il-kwalità tal-ħajja tal-bniedem u r-relazzjonijiet fis-soċjetà.
Il-preżentazzjoni tal-Arċisqof se tixxandar live fuq radju RTK.