L-Arċisqof Scicluna se jkun il-Polonja biex jgħin il-pajjiż jiġġieled l-abbuż

Read in English.

Nhar il-Ġimgħa l-Arċisqof Charles Scicluna se jkun fil-Polonja għal żjara ta’ ġurnata wara li kien mistieden mill-Konferenza Episkopali Pollakka. Mons. Scicluna se jkun qed jindirizza lill-isqfijiet b’lekċer ta’ sagħtejn. Wara se jkun hemm seduta ta’ mistoqsijiet u laqgħat informali waqt il-ħin tal-ikel. L-isqfijiet se jiltaqgħu fil-Lbiċ tal-pajjiż f’Walbzrych.

AQRA: L-Arċisqof Scicluna jintalab jindirizza l-Isqfijiet Pollakki

Wara nofsinhar huwa se jkun qed jindirizza lid-delegati tad-djoċesi dwar il-prevenzjoni tal-abbużi, bit-tema tkun ‘għarfien, responsabbiltà u trasparenza’.

Paulina Guzik f’kummentarju għall-ġurnal Nisrani online Crux iddeskriviet lill-Arċisqof Scicluna bħala l-Kavallier ta’ Malta u li huwa l-espert l-iktar fdat tal-Papa Franġisku.

Hi saħqet li dawk li jħaddnu l-fidi għandhom it-tama li l-Kavallier ta’ Malt jgħin lill-Knisja fil-Polonja tiġġieled kontra l-abbuż mill-membri tal-kleru.

Hans Zollner, id-direttur taċ-Ċentru tal-Protezzjoni tat-Tfal fi ħdan l-Università Pontifikali Gregorjana f’Ruma sostna li probabbli ħadd ħlief il-Papa nnifsu mhu adattat biex ikellem lill-isqfijiet għajr l-Arċisqof Scicluna.

AQRA: Ħatra ġdida għall-Arċisqof Scicluna mill-Papa

Il-kontroversja dwar l-abbuż sesswali fuq minuri mill-membri tal-kleru fil-Polonja ħarġet fil-beraħ wara li ħareġ il-film bl-isem ta’ “Tell No One” fuq YouTube f’Mejju.

L-Arċisqof Scicluna kien ra l-film u stqarr ma’ Newsbook.com.mt li kien ixxukkjat b’dak li ra.

Ħafna ġurnali Pollakki faħħru lil Mons. Scicluna filwaqt li diversi artikli fil-midja tal-pajjiż issuġġerew li għadt ikun hemm xi riżenji ta’ xi isqfijiet wara li dan iżur il-Polonja.