L-Arċisqof Scicluna mitlub jerġa’ jmur iċ-Ċilì

Fil-jiem li ġejjin, l-Arċisqof Charles Scicluna mistenni jerġa’ jmur iċ-Ċilì biex fuq talba tal-Papa Franġisku, ikompli jsegwi l-każ tal-abbużi sesswali.
Fi stqarrija mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, id-Direttur Greg Burke qal li bi ftehim mal-Papa Franġisku, l-Arċisqof Malti flimkien ma’ Mons. Jordi Bertomeu se jmorru fiċ-Ċilì biex imexxu 'l quddiem il-proċess ta' riparazzjoni u rijabilitazzjoni tal-vittmi tal-abbuż.
Ħmistax ilu, l-34 Isqof Ċilen li kienu fil-Vatikan għal laqgħat mal-Papa dwar l-iskandlu tal-abbuż sesswali fiċ-Ċilì offrew ir-riżenji tagħhom.
Din id-darba l-missjoni tagħhom se tkun iffukata fid-Djoċesi ta' Osorno.
F'April li għadda, il-komunità tal-lajċi ta’ Osorno qalu li huma grati lejn l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna għar-rieda tiegħu biex imur iċ-Ċilì, biex jisma’ b’mod sinċier, u biex jiddjaloga ma’ kulħadd.
Sadanittant, id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qal ukoll li l-Papa mistenni jibgħat personalment ittra bil-miktub lill-President tal-Konferenza Episkopali taċ-Ċili indirizzata lill-Poplu kollu ta' Alla, kif kien wiegħed lill-Isqfijiet fil-ġranet li għaddew.