L-Arċisqof Scicluna għall-Messiku biex jinvestiga l-abbuż

MIguela Xuereb

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna, flimkien mal-Monsinjur Jordi Bertomeu, intbagħat il-Messiku dan ix-xahar biex jiltaqa’ mal-vittmi tal-abbuż sesswali u biex isaħħaħ il-ġlieda tal-isqfijiet Messikani kontra l-abbuż sesswali.

L-Arċisqof u Mons. Bertomeu se jivvjaġġaw lejn il-Messiku bejn l-20 u s-27 ta’ Marzu. Huma kienu investigaw lill-Knisja fir-rispons taċ-Ċilì għall-allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali fl-2018. Din l-investigazzjoni kienet wasslet biex kull isqof Ċilean issottometta r-riżenja tiegħu lill-Papa Franġisku.

Mons. Scicluna u Mons. Bertomeu għandhom jiltaqgħu mal-isqfijiet Messikani kollha f’Casa Lago, ftit ‘il barra minn Mexico City. Għandhom jiltaqgħu wkoll ma’ dawk li jokkupaw l-ogħla karigi reliġjużi fil-Messiku fit-23 ta’ Marzu.

Huma qed joffru li jiltaqgħu wkoll mal-vittmi tal-abbuż sesswali jew ma’ “kwalunkwe persuna lesta li taqsam l-esperjenza tagħha” fil-bqija tal-ġranet tagħhom fil-Messiku.

Fi stqarrija, l-isqfijiet Messikani rringrazzjaw lill-Kardinal Luis Ladaria Ferrer tad-deċiżjoni tiegħu li jintbagħat l-Arċisqof Scicluna l-Messiku.

Id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tas-Santa Sede, Matteo Bruni, spjega li l-missjoni se tkun servizz ta’ konsulenza, u l-isqfijiet se joffru għajnuna fraternali, kif ukoll opportunità għad-djalogu li għandha tgħin lill-Knisja tkompli tikkonferma l-passi tajbin li diġà ħadet f’dan il-konfront fil-Messiku.

Ftit tal-jiem ilu, il-Vatikan stabbilixxa tim ġdid sabiex jassisti lill-isqfijiet tad-dinja joħorġu abbozz ta’ linji gwida kontra l-abbuż. L-Arċisqof Scicluna għandu jkun parti mill-kumitat superviżorju u Andrew Azzopardi se jkun kordinatur ta’ dan it-task force.