Il-karru bl-Arċisqof ipprojbit mill-Karnival; “Insensittiv” – Herrera

Aġġornat 07:20 AM
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Kultura José Herrera ta direttiva sabiex ma jitħalliex jipparteċipa fil-karnival il-karru li jorbot lill-Arċisqof Charles Scicluna u lir-residenza tal-Knisja mal-abbuż tat-tfal.

Min-naħa tiegħu, l-Arcisqof Charles Scicluna qal li hu mhuwiex kontra s-satira fil-konfront tal-mexxejja li għandhom irwol pubbliku, iżda dwar dan il-karru qal li “la hu xieraq u lanqas f’postu f’avveniment li għalih jattendu t-tfal”.

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, il-Ministru Herrera kkundanna dan il-karru. Qal li malli sema’ bil-biċċa, huwa sejjaħ għad-Direttur ta’ Festivals Malta u talab li jara l-karru. Imbagħad ħa parir legali u ddeċieda li l-karru jiġi rimedjat biex ma jesponix b’mod redikolu lit-tfal u lill-Arċisqof. Qal li karru bħal dan huwa “insensittiv iżżejjed fil-konfront tal-Arċisqof u tat-tfal f’Dar San Ġużepp.”

Il-Ministru stqarr li seba’ snin ilu, kien hu stess li imbotta sabiex is-satira tiġi inkluża fil-Karnival għax jemmen fiha, iżda f’dan il-każ, il-Ministru fakkar li kulħadd irid jirrispetta s-soċjetà li jgħix fiha.

L-Arċisqof irreaġixxa għall-karru msejjaħ “L-infern ta’ Jude,” b’referenza għat-tieni isem tiegħu. Il-karru juri lill-Arċisqof quddiem il-faċċata ta’ Dar San Ġużepp b’żewġt itfal bil-qrun. Min xerred ritratt tal-karru fuq Facebook kiteb, “Ħallu t-tfal jiġu għandi… shh tgħidilhom xejn.”

Fir-reazzjoni tiegħu li ta lil Newsbook.com.mt, Mons. Scicluna spjega kif avviċinawh diversi nies biex jesprimu t-tħassib tagħhom fuq dan il-karru li sejħulu “offensiv u possibbilment libelluż.” Stqarr li dan il-karru mhuwiex xieraq u lanqas hu postu f’post ta’ ferħ li għalih jattendu ħafna tfal.

Huwa qal li beħsiebu jkompli jiddedika l-enerġija u l-ministeru pastorali tiegħu għall-ħarsien u l-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ.

It-tfal għandhom jitħallew igawdu l-Karnival mingħajr ma jerġgħu jgħaddu mit-trawma – Fondazzjoni Sebħ

Il-Fondazzjoni Sebħ qalet li tinsab inkwetata għall-impatt li dan il-karru jista’ jħalli fuq it-tfal li qed jgħixu fi djar residenzjali.

Il-Fondazzjoni żiedet li dawn it-tfal ikunu għaddew minn diversi sfidi f’ħajjithom u huma għandhom bżonn sapport u protezzjoni. Appellat li l-Karnival għandu jitgawda minn kulħadd, inkluż it-tfal li jgħixu f’dawn id-djar residenzjali u m’għandhomx bżonn jerġgħu jgħaddu minn din it-trawma.

Il-karru qed jassoċja d-djar residenzjali, l-Arċisqof u ż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess mal-abbuż tat-tfal – MASW

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali (MASW) fi stqarrija kkundannat dan il-karru u żiedet li qed jassoċja d-djar residenzjali, Dar San Ġużepp, l-Arċisqof Charles Scicluna u ż-żwieġ bejn koppji omosesswali mal-abbuż sesswali tat-tfal.

L-Assoċjazzjoni qalet li minkejja li taqbel mal-libertà tal-espressjoni u s-satira, hija temmen li dan il-karru mhux xieraq għal diversi raġunijiet. L-ewwel raġuni hija li t-tfal li kienu u qed jgħixu f’din ir-residenza li għalihom hija darhom u qed titpinġa bħala dar mhux sigura.

Spjegaw li dan il-karru jwaqqa’ l-isforz kollu li l-Arċisqof qed jagħmel, kemm f’Malta kif ukoll barra biex it-tfal ikunu siguri. Komplew li dan il-karru huwa wkoll omofobiku għax qed jassoċja ż-żwieġ ta’ koppji omosesswali mal-abbuż tat-tfal.

L-MASW qalet li taqbel mad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Kultura li l-karru ma jitħalliex jieħu sehem fil-Karnival u esprimiet is-solidarjetà tagħha ma’ Dar San Ġużepp, mal-Arċisqof, kif ukoll mal-komunità LGBTQQI+.

L-Assoċjazzjoni sostniet li hija temmen li, “li l-abbuż tat-tfal ikun redikolat ikun qed inaqqas mill-gravità tal-att kriminali fejn is-soċjetà qed taħdem biex ikun hawn tolleranza żero fejn jidħol kull tip ta’ abbuż u dawk li abbużaw jitressqu quddiem il-ġustizzja.”