“L-Arċisqof Mercieca kellu l-kwalitajiet kollha li Alla jrid minn Isqof”

L-Arċisqof Pawlu Cremona qal li l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca kellu l-elementi kollha li Alla jrid minn Isqof.
Waqt l-omelija fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għall-40 anniversarju tal-Ordinazzjoni Episkopali tal-Arċisqof Emeritu, fil-Katidral tal-Imdina, l-Arċisqof Cremona rringrazzja lil Mons. Ġużeppi Mercieca tas-snin twal ta’ eżempju.
Spjega kif kull Isqof jirċievi mingħand Alla żewġ forom ta’ awtorità: dik li biha jmexxi d-djoċesi u l-awtorità fuq il-mezzi li jressqu lil bnedmin lejn il-Mulej. Saħaq li kull Isqof ma jistax jifred il-mixja spiritwali ta’ qdusija mat-tmexxija tad-djoċesi.
Mons. Cremona qal li Alla ma jħarisx lejn l-uċuh imma jagħżel Isqof biex ikun jista’ jaqdi l-missjoni tal-Knisja. Sostna li Alla jafda lill-Isqfijiet bl-iktar oġġetti prezzjużi li għandu, jiġifieri l-bnedmin.  Żied jgħid li l-Isqfijiet jiġu kkonsagrati għax iridu jagħtu ħajjithom lil Alla.
Fi tmiem il-quddiesa, f’isem il-Knisja Mons. Pawlu Cremona ppreżenta donazzjoni ta’ flus b’risq il-fond ta’ karità tal-Arċisqof Emeritu, li permezz tiegħu tul l-episkopat tiegħu, għen persuni morda, familji fil-bżonn u diversi opri ta’ karità fl-artijiet tal-missjoni.
Ġie ppreżentat ukoll bi kwadru ta’ pittura tiegħu mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia.  Din il-pittura ser titpoġġa fir-residenza tal-Arċisqof fl-Imdina, f’ sala fejn hemm il-kwadri tal-Isqfijiet li mexxew l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il-Quddiesa tmexxiet mill-Arċisqof Pawlu Cremona, bin-Nunzju Appostoliku Mons. Aldo Cavalli, l-Isqof Mario Grech, l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna u l-Isqof Joe  Alessandro jikkonċelebraw.
Preżenti kien hemm l-Aġent President Dolores Cristina u l-Presidenti Emeriti Dr George Abela u Dr Eddie Fenech Adami.

Ritratt: Photocity,Valletta