L-Arċisqof Mercieca jkompli jgħin lid-Dar tal-Kleru anke sena wara mewtu

Wara iktar minn sena mill-mewt tal-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca, u sentejn mill-ippublikar tal-ktieb Mons. Ġużeppi Mercieca: Ilkoll Aħwa fi Kristu: Memorji, ġew ippreżentati l-ħlas tad-drittijiet lid-Dar tal-Kleru.
Bħala rikonoxximent ta’ dak kollu li għamlu miegħu, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, flimkien ma’ Charles Buttigieg, l-awturi tal-ktieb, kienu ddeċidew li jagħtu d-dħul kollu tagħhom lid-Dar tal-Kleru.
Lura fl-1974, meta Monsinjur Mercieca sar l-Isqof Awżiljarju tal-Arċisqof Mikiel Gonzi huwa kellu bżonn isib post fejn joqgħod f’Malta. Dan għaliex familtu kienet tgħix Għawdex.
Id-Dar tal-Kleru f’Birkirkara fetħitlu l-bibien tagħha sakemm sab soluzzjoni permanenti. Hu baqa’ jgħix hemm sal-1981.
Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tad-donazzjoni, id-Direttur tad-Dar tal-Kleru, Mons. Anton Cassar tkellem dwar kemm l-Arċisqof Mercieca kien wera apprezzament għas-snin li għex hemmhekk. Huma bosta dawk li baqgħu jiftakru b’għożża l-preżenza tiegħu fid-Dar.
Charles Buttigieg qal li mill-ktieb joħorġu l-memorji u l-esperjenzi tal-Arċisqof Mercieca, u wieħed jista’ jara l-mod kif mexxa l-Knisja f’Malta.
Monsinjur Mercieca serva bħala l-Arċisqof ta’ Malta sa Jannar tal-2007. Huwa miet fil-21 ta’ Marzu tal-2016.
Fl-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu, il-Klabb Kotba Maltin ħareġ ktieb ieħor dwaru miktub ukoll minn Charles Buttigieg bit-titlu: “Ġużeppi Mercieca: Ragħaj għal kull staġun.”