L-Arċisqof Luis Ladaria se jissostitwixxi l-Kardinal Muller

Il-Vatikan ħabbar li l-Arċisqof Luis Ladaria, Ġiżwita ta’ 73 sena, se jieħu post il-Kardinal Gerhard Muller fit-Tmexxija tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi. Hu diġa’ kien qed jaħdem f’din il-kongregazzjoni bħala l-viċi tal-Kardinal Muller.  Fi stqarrija il-Papa Franġisku rringrazzja lill-Kardinal Muller għall-ħidma tiegħu.
Fi żmien tliet ijiem il-Vatikan ra t-tluq ta’ żewġ prelati għolja għax barra li tneħħa l-Kardinal Muller mill-kariga li kellu, il-Kardinal Awstraljan George Pell, irriżenja mill-kariga ta’ Kap tal-Finanzi tal-Vatikan biex ikun jista’ jirritorna lejn l-Awstralja biex jiddefendi ruħu minn akkużi ta’ abbużi sesswali.
Barra d-differenzi fuq l-interpretazzjoni tal-Enċlika Amoris Leatitia kien hemm differenzi oħra bejn Papa Franġisku u l-Kardinal Muller wara li l-Papa kien iddeċieda li jneħħi tliet uffiċjali mill-istess Kongrezzjoni għad-Dutrina tal-Fidi kontra x-xewqa tal-Kardinal.
Il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi hi waħda mill-aktar strutturi importanti tal-Vatikan u għal ħafna snin kienet titmexxa mill-Papa nnifsu. Iżda fil-Pontifikat attwali il-Kongregazzjoni tilfet xi ftit mill-importanza tagħha billi l-Papa u l-Kardinal Muller ma tantx kienu jaqblu bejniethom.
Filwaqt li kemm il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Benedittu XVI kien ikollhom laqgħat twal kull ġimgħa mal-Prefetti tal-Kongregazzjonijiet tal-Vatikan, il-Papa Franġisku kellu ħafna anqas kuntatt mal-Kardinal Muller.
F’Marzu li għadda din il-Kongregazzjoni kienet kritikata bl-aħarx minn waħda mill-membri tagħha stess, Marie Collins, wara li din ma kkooperatx ma’ Kummissjoni maħtura mill-Papa dwar il-protezzjoni tat-tfal, li tagħha kienet membru. Collins spiċċat irriżenjat mill-imsemmija Kummissjoni għax ħassitha frustrata bir-rifjut tal-Kardinal Muller li joħloq Tribunal biex jiġġudika isqfijiet li ma jimxux sew f’każi ta’ abbużi sesswali.
Il-Prefett il-ġdid tal-Kongregazzjoni tad-Dutrina tal-Fidi l-Arċisqof  Ladaria huwa wkoll Chiarman ta’ Kummissjoni li qed tistudja l-proposta li jkun hemm Djakni nisa.