L-Arċisqof isejjaħ għal aktar għaqda nazzjonali

Il-ġustizzja, is-solidarjetà u s-sussidjarjetà, huma t-tliet prinċipji li l-Arċisqof Pawlu Cremona enfasizza dwarhom waqt l-omelija tal-Quddiesa fl-okkażjoni tal-festa tal-Vitorja.
Fil-knisja parrokkjali tan-Naxxar, l-Arcisqof tkellem dwar kif matul is-snin, anke permezz tal-Fidi, il-poplu Malti rnexxielu jibqa' magħqud biex jiddefendu ruħu u jirbaħ fuq l-għadu.
Madanakollu, sostna li dejjem jibqa' lok għall-appell għal aktar għaqda nazzjonali, li għandha tkun ibbażata fuq tliet prinċipji essenzjali.
Semma li "l-Ġustizzja titlob li kulħadd jingħata dak li ħaqqu għax hu persuna umana u għax hu ċittadin, mingħajr ma nħarsu lejn l-uċuh, lejn ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew il-kulur politiku".
"Soċjetà hija għanja u sabiħa aktar ma tkun differenti. Għalhekk fid-differenzi tagħna għandna napprezzaw il-mertu ta’ xulxin u ngħinu lil xulxin" sostna Mons. Cremona.
Dwar il-principju tas-solidarjetà, l-Arċisqof lissen li "kulħadd għandu jaħdem għall-ġid ta' kulħadd, mingħajr ma titħalla barra jew lura ebda persuna".
Għamel referenza biex b'mod partikolari tkompli tingħata l-għajnuna lid-diversi familji Maltin li bħalissa għaddejjin mit-tbatija hekk kif 15% tal-popolazzjoni tgħix f'riskju serju ta' faqar.  
Kien hawnhekk ukoll li faħħar u rringrazzja lill-missjunarji Maltin tax-xogħol li jagħmlu mal-batut.
Fid-dawl tal-iżvilupp b'pass mgħaġġel li qed jgħaddi minnha l-pajjiż, l-Arċisqof  fakkar ukoll fil-prinċipju tas-sussidjarjetà, "li jfisser li kull forma ta’ żvilupp, inkluż l-avvanz ekonomiku, ma għandux isir  minn dawk li huma kbar u b’saħħithom, b’detriment għal min hu żgħir u għalhekk dgħajjef". 
Fil-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ħsibijiet l-Arċisqof Pawlu Cremona marru wkoll fuq il-vjolenza u t-tbatija li għaddejjin minnha nies oħra tal-Mediterran, u sostna li  "l-esperjenza tal-konflitti mdemmija għandhom jiftħulna għajnejna biex napprezzaw is-siwi tal-paċi u tal-Għaqda Nazzjonali".