L-Arċisqof joħroġ mill-isptar fiċ-Ċilì

L-Arċisqof Charles Scicluna llejla ħareġ mill-Isptar ta’ San Carlos de Apoquindo, f’Santiago, iċ-Ċilì, fejn kien rikoverat għal dawn l-aħħar tlitt ijiem. Dan wara li nhar l-Erbgħa filgħodu sarlu intervent mediku fejn tneħħietlu l-marrara.
Mons. Scicluna se jagħmel perjodu ta’ konvalexxenza fin-Nunzjatura Appostolika taċ-Ċilì, fejn mistenni jkompli bil-ħidma relatata mal-missjoni li fdalu l Papa Franġisku. L-Arċisqof qed jinvestiga l-allegat abbuż sesswali  minn saċerdot fiċ-Ċilì u l-allegazzjonijiet li l-Isqof ta’ Osorno Juan de la Cruz Barros Madrid kien xhud tal-abbużi.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li qabel daħal fin-Nunzjatura, Mons. Scicluna ngħata merħba mill-ġurnalisti. Huwa jinsab f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa. 
Ilbieraħ f'intervista esklussiva waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, l-Arċisqof qal li jittama li llum joħroġ mill-isptar biex ikun jista' jkompli x-xogħol li beda.