L-Arċisqof jixhed f’każ f’talba għal kumpens

L-Arċisqof Charles Scicluna xehed quddiem l-Imħallef Mark Chetcuti fi proċeduri għal kumpens, li għaxar vittmi ta’ abbuż minn Patrijiet kienu fetħu kontra l-Kurja.
Il-kawża kienet infetħet f’Mejju 2013 minn 10 vittmi (Lawrence Grech, Joseph Magro, Leonard Camilleri, David Cassar, Noel Dimech, Angelo Spiteri, Raymond Azzopardi, Charles Falzon, Philip Cauchi u Joseph Mangion) wara li fl-2012 Carmelo Pulis u Godwin Scerri, żewġ Patrijiet li kienu jieħdu ħsieb tfal orfni f’Dar San Ġużepp kienu ntbagħtu l-ħabs wara li nstabu ħatja ta’ abbużi sesswali fuq 11-il vittma minorenni li kienu taħt il-kustodja tagħhom.
F’Marzu li għadda, il-Qorti Kostituzzjonali kienet laqgħet l-appell tal-vittmi biex il-kawża tagħhom għall-kumpens mill-Kurja, ma tibqax tinstema’ mill-Imħallef Joseph R.Micallef. Dan minħabba l-irwol tiegħu bħala President tal-Assoċjazzjoni ta’ Radju Marija, seta’ kien hemm il-perċezzjoni li seta’  kellu kunflitt ta’ interess.