L-Arċisqof jirringrazzja lill-awtoritajiet talli jħallu l-kurċifiss fil-pubbliku

Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arcisqof Charles Scicluna rringrazzja lill-awtoritajiet li japprezzaw il-valur tal-preżenza tal-kurċifiss fl-ambjenti pubbliċi għaliex fisser li l-kurċifiss mhux monopolju tal-Insara imma qiegħed hemm għal kulħadd.

Waqt li bierek il-Kurċifiss Ta’ Ġieżu fi tmiem proġett ta’ restawr u konservazzjoni, l-Arċisqof qal li Ġesù miet għal kulħadd. Fisser li l-kurċifiss huwa sinjal ta’ mħabba għal kulħadd, b’mod speċjali għal min ma jistax jifhmu.

Kurja – knisja.mt/ritratti

Fl-Omelija tiegħu l-Arċisqof ħeġġeġ lis-soċjetà biex qatt ma twarrab is-sinjal għażiż tas-salib. Fisser kif is-sinjal tas-salib m’għandux ikun monopolju tal-Insara għaliex huwa stqarrija ta’ solidarjetà ma’ min qed ibati. Saħaq li għandu valur iżjed kbir u aqwa mill-kultura u mir-religjon għax Ġesù Kristu mhuwiex monopolju tal-Kattoliċi.

It-tberik tal-Kurċifiss sar waqt Quddiesa fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Gesù (Ta’ Ġieżu), il-Belt Valletta wara li ġie fi tmiemu progett ikkummissjonat mill-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss sabiex tassigura li din l-opra tal-arti tibqa’ titgawda minn ġenerazzjonijiet futuri u biex tkompli tissaħħah id-devozzjoni lejn il-Kurċifiss Mirakoluż.

Filmat: Jitlesta l-proġett ta’ konservazzjoni fuq il-Kurċifiss Ta’ Gieżu