L-Arċisqof jirċievi l-‘pallium’ mingħand il-Papa

L-Arċisqof Charles Scicluna se jħalli Malta għal Ruma biex nhar it-Tnejn jirċievi l-pallium mingħand il-Papa Franġisku.
Il-pallium se jingħata b’mod privat lill-Arċisqof flimkien ma’ Arċisqfijiet oħra minn madwar id-dinja, qabel Quddiesa mmexxija mill-Papa, fil-Bażilika ta’ San Pietru.
Il-pallium, li hu faxxa wiesgħa xi ħames ċentimetri, jintlibes mill-Arċisqfijiet fuq l-ispallejn madwar l-għonq bħala simbolu tal-komunjoni tagħhom mas-Suċċessur ta’ San Pietru fit-tmexxija tal-Poplu ta’ Alla.
Hu magħmul minn suf fin tan-nagħaġ, bħala simbolu ta’ Ġesù Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla u r-Ragħaj it-Tajjeb.
Ifakkar lill-Isqfijiet ukoll li għandhom is-sejħa li jkunu rgħajja skont il-Qalb ta’ Ġesù.
Il-pallium għandu wkoll żewġ pendenti, twal xi 30ċm, wieħed fuq quddiem u l-ieħor fuq wara, li jżommuh stirat b’biċċtejn pjanċi taċ-ċomb miksija b’ħarir iswed.
Fuq il-pallium hemm irrakkmati sitt slaleb suwed.
Fil-bidu ta’ din is-sena, ir-rit tal-għoti tal-pallium inbidel u skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku se jibda jitlibbes pubblikament lill-Arċisqof fid-Djoċesi tiegħu.
Il-bidliet saru bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Knisja tal-post f’ċerimonja importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja lokali, u li turi l-importanza tal-komunjoni bejn is-Suċċessur ta’ Pietru u l-Isqfijiet.
Il-Knisja f’Malta se torganizza Quddiesa Pontifikali li matulha n-Nunzju Appostoliku l-ġdid, Mons. Mario Roberto Cassari, ilibbes il-pallium lill-Arċisqof. Id-dettalji jitħabbru aktar ‘l quddiem.