L-Arċisqof jipproponi seba’ prinċipji għall-fejqan ta’ Malta

Read in English.

Mons Arċisqof Charles Scicluna applika għas-soċjetà Maltija s-seba’ prinċipji ta’ fejqan li l-Papa Franġisku dan l-aħħar semma bħala prinċipji għall-fejqan tad-dinja milquta mill-pandemija. L-Arċisqof qal dan waqt l-omelija fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-Indipendenza. Għall-quddiesa attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.

Għall-Arċisqof “l-għożża ta’ dawn is-seba’ prinċipji tgħinna nippromwovu l-fejqan personali u tat-tessut soċjali tagħna” u b’hekk nagħtu ġieħ “lil din l-art ħelwa, l-Omm li tatna isimha”.

Il-Papa Franġisku, fil-5 ta’ Awwissu 2020, beda serje ta’ katekeżi bit-tema ‘Infejqu lid-Dinja’ u tul din il-katekeżi semma seba prinċipji li għandhom “jgħinu lill-mexxejja, dawk responsabbli mis-soċjetà, biex iseddqu t-tkabbir u anki bħal f’dan il-każ tal-pandemija, il-fejqan tat-tessut personali u soċjali.”

Governanza li tfittex il-ġid komuni

Meta beda japplika għas-soċjeta Maltija l-ewwel prinċipju li semma l-Papa, jiġifieri d-dinjità tal-persuna l-Arċisqof fakkar li l-Kostituzzjoni toffri l-qafas għad-drittijiet fundamentali. Huwa semma kemm “id-dritt għall-ħajja li jfisser rispett għall-ħajja ta’ kull bniedem mill-bidu tal-eżistenza umana, mit-tnissil, sat-tmiem naturali tagħha” kif ukoll ir-rispett lejn il-kuxjenza ta’ kull individwu.

Għall-Arċisqof, il-prinċipju tal-ġid komuni “jgħallimna li għandna bżonn il-mediċina għal kull tip ta’ egoiżmu li jaf javvelena u jħassar l-għajn safja tal-politika vera.” Huwa qal li  l-politika “trid tkun imbiegħda minn kull motivazzjoni ta’ gwadann personali” u li  “hemm bżonn li aħna nikbru fis-sens ġenwin tal-Istat li jgħinna niżviluppaw kultura ta’ rispett lejn il-liġijiet u sens ta’ responsabbiltà u ta’ kontabbiltà. B’hekk ikollna governanza tajba li tfittex dejjem il-ġid komuni.”

Il-migranti li jħabtu l-bieb ta’ xtutna

Dwar l-għażla preferenzjali tal-fqar, it-tielet prinċipju li semma l-Papa, l-Arċisqof fakkar li l-foqra dejjem se jkunu magħna “u spiss ukoll iħabbtu fuq il-bieb ta’ xtutna fil-migranti u fir-refuġjati li jitolbu l-għajnuna tagħna.” Żied jgħid li  waqt il-pandemija din hi għażla favur min hu vulnerabbli u marid.

“L-għażla preferenzjali tal-foqra hija mediċina kontra t-tentazzjoni li nħaddnu l-kultura tal-iskart fejn il-persuna tgħodd b’kemm hi b’saħħitha jew b’kemm tista’ tkun utli. Kull persuna għandha valur fiha nfisha għaliex hija maħluqa xbieha ta’ Alla.”

Huwa faħħar l-iżviluppi kbar li saru fis-servizzi soċjali f’pajjiżna waqt li fakkar li l-ikbar investiment jibqa’ l-edukazzjoni għax ħafna drabi l-kawża prinċipali tal-faqar hija n-nuqqas ta’ edukazzjoni.

Ir-raba prinċipju li jsemmi l-Papa huwa d-destinazzjoni universali tal-ġid.

L-Arċisqof qal li kif sar qabel, pereżempju bis-sehem importanti li tat Malta fuq l-inizjattiva dwar il-Liġi tal-Baħar u l-iżvilupp tal-kunċett tad-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri, tajjeb li f’kull qasam internazzjonali nkomplu ninsistu dwar it-tqassim ekwu tar-riżorsi u tar-riżultati tar-riċerka.

“B’mod speċjali b’risposta għall-pandemija, fuq livell dinji Malta għandha tkun vuċi ċara sabiex meta jinstab vaċċin, kulħadd ikollu sehem minn dak li jkunu pproduċew pajjiżi li forsi huma ħafna ikbar u iżjed sinjuri mill-oħrajn.”

Ma għandhomx jintgħażlu ‘yes men’

Il-prinċipju tas-solidarjetà kien il-ħames prinċipju li dwaru jitkellem l-Arċisqof. Huwa qal li l-għożża reċiproka li fuqha hija mibnija s-soċjeta tagħna trid tkun ukoll espressjoni ta’ ħniena u ta’ rikonċiljazzjoni, mhux biss bejnietna imma wkoll mal-barranin.

F’dan iż-żmien tal-pandemija s-solidarjetà nuruha billi nieħdu ħsieb xulxin waqt li nirrispettaw l-indikazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa anke jekk dan ikun ifisser sagrifiċċju, qal l-Arċisqof. Semma wkoll il-bżonn li nrażżnu l-kliem iebes lejn xulxin u lejn il-barranin, b’mod speċjali fil-kummenti online.

Il-Papa Franġisku jitkellem ukoll dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà li jgħallem li fl-Istat kulħadd għandu rwol importanti u li ċ-ċentraliżmu esaġerat tal-poter f’idejn ftit nies mhuwiex ta’ ġid għas-soċjetà. L-Arċisqof qal li allura għandu jkun hemm nies li għandhom responsabbiltà u  li ma jkunux intagħżlu għaliex huma ‘yes men’ jew għaliex dejjem se jiġbdu l-ħabel tal-poter.

“Irid ikun hemm rispett lejn l-awtonomija ta’ min iħaddan ir-responsabbiltajiet ċiviċi u fuq kollox nirrispettaw il-kuxjenza tal-individwu. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jgħin fuq kollox biex kull ċittadin jieħu sehem fit-tmexxija tal-Istat, kulħadd skont ir-rwol tiegħu, imma fuq kollox kulħadd skont il-kuxjenza retta tiegħu.”

Nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna

Ir-rispett għall-pjaneta li l-Papa jiddeskriviha bħala d-dar komuni tagħna huwa s-seba prinċipju li dwaru jikkummenta l-Arċisqof. Huwa qal li mhux biżżejjed li għandna liġijiet ambjentali tajbin ħafna jekk dawn ma jkunux infurzati waqt li appella għal kuxjenza ekoloġika diffuża.

“Il-promozzjoni tal-kwalità tal-ħajja tibda mill-bank tal-iskola jew online, imma tkompli wkoll bl-eżempju li l-Istat jagħti meta jagħmel għażliet importanti, u li l-għażliet tiegħu jkunu favur il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u fl-istess ħin sinjal profetiku li jivvalorizza l-ambjent.”

L-Arċisqof saħaq fuq id-dmir li nieħdu ħsieb  l-ambjent, nagħrfu s-sbuħija tal-patrimonju ambjentali tagħna u tal-ambjent mibni li ħallewlna missirijietna. Allura, qal l-Arċisqof għandna “nieqfu qabel nagħmlu binja ġdida oħra mingħajr sens ta’ sbuħija jew mingħajr sostenibbiltà.”

Taqbel ma’ dak li qal l-Arċisqof?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt