L-Arċisqof jinawgura n-New media Centre

“Jiena nixtieq li l-media tal-Knisja b’mod speċjali ‘103’ u Newsbook ikunu strument ta’ tama u strument taċ-ċivilta’ tal-imħabba.” Hekk qal l-Arċisqof Charles Scicluna meta kien qed jinawgura n-New media Centre, fil-Blata l-Bajda, l-bini minfejn issir ix-xogħol tal-media tal-Knisja, partikolarment l-istazzjoni tar-radju ‘103’  u Newsbook.

L-Arċisqof qal li d-deċiżjoni tal-Knisja li tinvesti fil-media tagħha hija għażla ta’ tama fil-kuntest kompetittiv u mimli sfidi li hawn madwarna.

Dr Gege Gatt, ic-chairman ta’ Beacon Media Group li tmexxi l-media tal-Knisja qal li l-media tal-Knisja huma għas-servizz tal-verita’.

Dan il-proġett sar bl-għajnuna finanzjarja tal-Malta Memorial District Nursing Association.

Studios state of the art

Fil-bini llum hemm  żewġ studios tar-radju deskritti min-nies fl-industrija bħala state of the art għax huma l-aktar studios tar-radju avvanzati li hawn f’Malta. Hemm newsroom ġdida għal ġurnalisti ta’ newsbook.com.mt kif ukoll diversi uffiċini għall-amministrazjoni u impjegati oħra ta’ Beacon Media Group.

Kelliem għad-direzzjoni qal  li l-isem il-ġdid juri l-enfasi li se ssir fuq in-new media. Iżda fl-istess ħin huwa kontinwazzjoni mal-passat peress li l-post kien jismu Media Centre.

‘103’ beda jxandar f’nofs Lulju iżda skeda sħiħa u ġdida se tibda f’Ottubru. L-iskeda tinkludi ħafna programmi ġodda b’uħud mill-aqwa preżentaturi f’Malta.

Newsbook.com.mt huwa it-tielet l-akbar portal tal-aħbarijiet f’Malta.