​L-Arċisqof jinawgura Dar Charles Miceli: Jappella biex inneħħu kull preġudizzju

L-Arċisqof Charles Scicluna llum inawgura Dar Charles Miceli, dar fil-Mosta li toffri numru ta’ servizzi ta’ aftercare għall-persuni li jkunu jsegwu programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga, biex jerġgħu jintegraw fid-dinja tax-xogħol, fil-familja u fis-soċjetà.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm id-Direttur ta’ Caritas Malta Leonid McKay u l-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.
Filwaqt li sellem lil Charles Miceli, li miet ix-xahar li għadda, wara snin twal ta’ ħidma mal-Caritas, l-Arċisqof talab li l-ispirtu tas-soċjal ġenwin ikun dejjem magħna.  Saħaq li l-impenn tal-komunità għandu jkun li jneħħi kull tip ta’ preġudizzju.
Mons. Scicluna enfasizza li s-soċjetà għandha temmen fil-kapaċità tal-bniedem, li meta jsib l-għajnuna u l-inkoraġġiment jibda ħajja li tagħtih tama.
L-Arċisqof irringrazzja lill-Gvern b’mod partikolari lill-Ministru Falzon, li fi kliemu jemmen f’dawn l-inizjattivi b’mod konkret u jagħti dak kollu neċessarju biex “mill-ħolm ngħaddu għar-realtà”.

“Aħna dgħajfin u qegħdin hemm biex ngħinu lil xulxin”, żied jgħid Mons. Scicluna.
L-Arċisqof irringrazzja wkoll lil Mons. Victor Grech, li ddeskrivieh bħala “pijunier u patrijarka”, filwaqt li awgura lir-residenti fil-faċilitajiet kollha tal-Caritas.
“€200,000 mill-Gvern biex titmexxa Dar Charles Miceli” – Falzon
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li l-Gvern se jibqa’ kommess li jgħin lil Caritas biex tkompli ttejjeb is-servizzi tagħha għall-ġid tas-soċjetà.
Fakkar li l-Gvern qed jagħti €200,000 fis-sena biex titmexxa Dar Charles Miceli.
Dr Falzon faħħar ir-relazzjoni ta’ bejn il-Gvern u l-Knisja fil-qasam soċjali. Spjega li b’kollox il-Gvern jagħti €3 miljun fis-sena lill-Knisja u €5 miljun oħra lil għaqdiet oħra b’rabta mal-Knisja.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta qal li l-Caritas xtaqet tiċċelebra l-ħajja u l-legat ta’ Charles Miceli, billi tnaqqax ismu f’dar li fiha hemm persuni fl-aħħar fażi ta’ rijabilitazzjoni.
Saħaq li inutli jkun hemm servizzi ta’ rijabilitazzjoni f’saħħithom, jekk ma jkunx hemm servizzi ta’ after care b’saħħithom.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=BECz79Gyxhk]

Leonid McKay fakkar li l-programmi tal-Caritas huma kollha għall-persuni li volontarjament jagħżlu li jagħmlu bidla f’ħajjithom.
Filmat u ritratt: Ian Noel Pace