L-Arċisqof jiltaqa’ mal-Papa fil-Vatikan

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna llum iltaqa’ mal-Papa Franġisku fi tmiem il-laqgħa plenarja tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi li saret fil-Vatikan.

L-Arċisqof huwa Segretarju Aġġunt ta’ din il-kongregazzjoni wara li kien inħatar f’din il-kariga mill-Papa Franġisku stess f’Novembru 2018.

Waqt intervista li għamel fuq Newsbook.com.mt nhar it-Tnejn li għadda, l-Arċisqof qal li fi ftit jiem kien se jiltaqa’ mal-Papa. Stqarr li jittama li xi darba l-Papa jaċċetta dik li sejjaħ “open invitation” tal-Isqfijiet biex iżur Malta.

Mons. Scicluna qal fl-intervista li meta fl-aħħar ġimagħtejn il-Papa semma lill-Maltin, u ddeskrivihom bħala “poplu ta’ qalb tajba”, din ħeġġet lill-Isqfijiet biex iġeddu din l-istedina. Stqarr li meta jiltaqa’ mal-Maltin, il-Papa dejjem jaħseb “f’dan il-poplu fil-periferija tal-Ewropa, li jkollu l-isfida kbira li jilqa’ lil gruppi ta’ immigranti u jurihom imħabba u ġenerożità”.

Fid-diskors li għamel mal-Isqfijiet u dawk preżenti, il-Papa aċċenna għal kif il-fidi tiftaħ lil wieħed għal mal-oħrajn u għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor. Huwa rringrazzja lill-isqfijiet tal-impenn tagħhom biex jirriflettu fuq il-kura tan-nies f’din il-Plenarja.

Qal li l-kuntest soċjokulturali preżenti qed inaqqas il-kuxjenza dwar dak li jagħmel lill-ħajja umana prezzjuża. Talabhom biex miegħu, jiġġieldu kontra l-kurrent.