Filmat: “Il-Knisja lesta tiddjaloga dwar ir-rakkommandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja” – L-Arċisqof

knisja.org/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Knisja lesta tiddjaloga dwar ir-rakkommandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Dan qalu waqt li kien qed jilqa’ lill-awtoritajiet tal-istat u lill-korpi kostitwiti għall-bdil tal-awguri tal-Milied u l-bidu tas-Sena l-Ġdida flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona.

Il-Kummissjoni Venezja, il-kummissjoni Ewropea dwar id-demokrazija permezz tal-liġi, ikkonkludiet li Malta għandha Prim Ministru b’ħafna poter. Spjegat li minkejja li s-sistema ta’ Malta hi bħal tar-Renju Unit, f’Malta l-Prim Ministru għandu pożizzjoni b’saħħitha biex jaħtar il-ġudikatura u fi kliemha dan iwassal għan-nuqqas ta’ bilanċi u kontrolli.


Quddiem l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, l-Arċisqof sostna li minkejja li għadu ma qarax ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja jemmen li hemm bżonn li l-pożizzjoni u l-poter ta’ Prim Ministru jiġu reveduti. Sostna li l-Knisja lesta li tidħol fid-djalogu sabiex isir dan id-dibattitu għall-ġid komuni.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia, flimkien mal-Membri Parlamentari żaru lill-Arċisqof. Farrugia spjega kif matul din is-sena, mat-80,000 persuna kkontribwixxew fid-diskussjonijiet tal-Parlament. Sostna li kien hemm ħafna xogħol xi jsir u faħħar ix-xogħol tal-kumitati li minkejja li forsi ftit jiftakru dwarhom, dawn il-kumitati iltaqgħu 198 darba tul is-sena 2018, aktar minn kemm iltaqa’ l-Parlament inniffsu.

L-Arċisqof issuġġerixxa wkoll l-importanza li jkun hemm il-possibiltà ta’ vot sigriet. Insista li dak li jkun għandu jkollu l-possibiltà li jimxi skont dak li jemmen. Sostna li l-Parlament ma għandux ikun biss ir-“rubber stamp” tal-eżekuttiv, filwaqt li hemm bżonn li l-eżekuttiv jirrispetta bis-sħiħ l-awtonomija tal-Parlament.

“Irridu nkissru l-istigma negattiva dwar is-saħħa mentali – Muscat

Waqt iż-żjara tiegħu flimkien ma’ għadd ta’ membri tal-kabinett, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddiskuta bosta temi mal-Arċisqof Scicluna. Semma l-isptar il-ġdid li jispeċjalizza fis-saħħa mentali li se jkun fi ħdan l-Isptar Mater Dei. Semma li b’dan il-mod il-Gvern irid jirribatti l-istigma dwar il-mard mentali. Sostna wkoll li l-Isptar Monte Karmeli mhux se jingħalaq, sabiex jibqa’ joffri refuġju għall-pazjenti li forsi jkun aktar diffiċli għalihom li jimxu minn post għall-ieħor.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru semma wkoll kif Malta hija fost l-agħar pajjiżi fejn tidħol ir-rappreżentanza tan-nisa, speċjalment f’postijiet ta’ poter, kemm fil-Gvern u anke fl-Oppożizzjoni. Spjega kif matul l-2019, il-Gvern se jkompli jaħdem sabiex in-nisa jsibu aktar kuraġġ u jidħlu fid-dinja tal-politika.

Temm id-diskors tiegħu billi sostna li l-Gvern irid jibqa’ jara l-kooperazzjoni bejn l-istat u l-Knisja dejjem aktar f’saħħitha. Sostna li hemm bżonn li wieħed jiftakar li huwa l-irwol tal-istat li jieħu d-deċiżjonijiet.

Huwa fid-dover tal-Knisja li tikkoopera mal-Istat – l-Arċisqof

Intant, fid-diskors tiegħu indirizzat lill-Prim Ministru u l-membri tal-kabinett, l-Arċisqof sostna li l-Knisja tirrispeta l-awtonomija tal-Istat u huwa fid-dover tagħha li tikkoopera mal-Istat.

L-Arċisqof fakkar kif il-progress, filwaqt li huwa tajjeb joħloq tipi ġodda ta’ faqar, u għaldaqstant insista li hija r-responsabbiltà ta’ kulħadd li ħadd ma jibqa’ lura. Spjega li permezz ta’ għaqdiet bħall-Caritas, il-Knisja qed taħdem ħafna mal-Gvern fuq dan l-aspett. Semma wkoll l-importanza li s-saħħa mentali nibdew inħarsu lejha b’mod “mainstream”.

Fejn jidħol l-irwol tan-nisa, semma kif il-Knisja kienet pijuniera f’ċerti oqsma grazzi għall-kongregazzjonijiet femminili. Sostna li kienu bosta n-nisa li taw ħajjithom għall-poplu. Spejga wkoll li l-Knisja għandha rwol importanti fejn tidħol l-għajnuna għan-nisa li qed isibu t-tqala tagħhom diffiċli. Qal li minflok niġġudikawhom meta jibdew jaħsbu dwar l-abort, nuruhom li għandhom xibka ta’ sapport li jnaqssilhom ftit mill-piż tat-tqala.

“Nibża’ li t-tifsira tal-Milied saret aktar ta’ aljenazzjoni” – Delia

Waqt li kien qed jitkellem mal-Arċisqof, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li minkejja li l-istorja tal-Milied hija waħda ta’ tama, it-tifsira tal-Milied saret waħda aktar ta’ aljenazzjoni. Spjega kif hemm mijiet ta’ persuni li qed ibatu u huwa obbligu tal-persuni li qegħdin fil-ħajja pubblika li jwasslu l-messaġġ ta’ tama tal-Milied.

Bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha –  l-Arċisqof

Min-naħa tiegħu l-Arċisqof awgura lil Delia fil-ħidma tiegħu li sostna mhix waħda faċli. Insista fuq il-bżonn ta’ Oppożizzjoni b’saħħitha li tiggarantixxi d-demokrazija. Qal li hemm bżonn li l-pajjiż kollhu jħossu protett.

“Wara l-irwol li tak il-Papa tista’ tifhem b’mod aħjar l-irwol tal-Ġudikatura” – Il-Prim Imħallef

Ritratti: Knisja.org/ritratti

Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, filwaqt li indirizza lill-Arċisqof, spjega li issa l-Arċisqof jista’ jifhem aktar bis-sħiħ ix-xogħol iebes tal-Maġistrati. Dan wara l-irwoli li tah il-Papa sabiex jinvestiga l-allegati abbużi sesswali mill-Kleru fiċ-Ċilì. Azzopardi semma kif fix-xogħol ta’ Maġistrat hemm ċertu livell ta’ solitudni, speċjalment minħabba d-deċiżjonijiet li jridu jagħmlu waħedhom.

Ix-xogħol tal-Qrati mhux dejjem apprezzat – l-Arċisqof

Min-naħa tiegħu l-Arċisqof sostna li minkejja li xogħol li jsir mill-qrati tal-ġustizzja huwa kbir, mhux dejjem ikun apprezzat. Spjega kif ħafna drabi mill-ġudikatura jintalbu ħafna affarijiet li mhux faċli. Insista li hemm bżonn qrati li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u li jiddefendu lid-dgħajjef.

L-Isqfijiet iridu jiltaqgħu miegħek ukoll

L-Isqfijiet qed jistiednu wkoll lill-pubbliku għal bdil tal-awguri tal-istaġun, nhar il-Ħadd 23 ta’ Diċembru, bejn l-10am u 12pm. Dan l-avveniment se jsir fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. L-Arċisqof se jkun qed iwassal il-messaġġ tiegħu lil dawk preżenti.