L-Arċisqof jikkonsagra artal ġdid għall-Parroċċa ta’ Birżebbuġa

L-Arċisqof Charles Scicluna kkonsagra l-artal ġdid tal-Knisja Parrokjali ta’ San Pietru tal-Ktajjen f’Birżebbuġa.

Fl-Omelija, l-Arċisqof stqarr li hija l-fidi li wasslet lill-Knisja f’Malta biex tikkonsagra l-irħam biex isir l-artal li fuqu jsir is-sagrifiċċju tal-quddiesa.

L-Arċisqof spjega li l-konsagrazzjoni tal-artal issir bħala talba biex kulħadd isur madwar il-mejda fejn il-Mulej jibdel il-frott tal-art u x-xogħol tal-bniedem fil-ġisem u d-demm ta’ Ibnu. Qal ukoll li mill-ikel materjali, il-Mulej jagħtina ikel spiritwali. Kien għalhekk li l-Arċisqof stqarr li d-dedikazzjoni tal-artal f’Birżebbuġa mhix talba għal din il-parroċċa biss imma talba għall-gżejjer ta’ Malta u Għawdex.

Mons Scicluna spjega s-sinifikat tal-artal fejn qal li l-bniedem ħa l-blat, l-irħam, li huwa blat prezzjuż u bidlu f’mejda li fuqu l-Mulej jibdel il-ħobż tal-art, l-inbid tad-dielja u xogħol il-bniedem, fil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Spjega li l-artal qed jirrappreżenta wkoll lil Ġesù nnifsu u għalhekk, meta s-saċerdot ibus l-artal, ibusu u anke jinċensah għaliex l-artal huwa wkoll sinjal tal-preżenza ta’ Ġesù.

Saħaq li ħafna min-nies vulnerabbli ilhom ix-xhur imċaħħdin mill-Ewkaristija jew mill-fatt li jistgħu jipparteċipaw fil-quddies minħabba l-pandemija. Stqarr li l-artal irid ikun risposta ta’ tama għaliex il-Mulej jibqa’ jistedinna għall-ikla tiegħu.

Fi tmiem l-Omelija, l-Arċisqof talab għal kull min ħa sehem fl-arti, fid-disinn u anke f’dawk li ħadmu biex isir dan il-proġett inkluż il-kappillan.