Filmat: Illum fil-Magħmudija tal-Mulej, il-Ħniena u s-Salvazzjoni jiltaqgħu – L-Arċisqof

Ftit tal-ħin ilu bdiet Ċelebrazzjoni fl-Oratorju tal-Kurċifiss li huwa anness mal-Bażilika tan-Natività ta' Marija fl-Isla.
Fiha l-Arċisqof Charles J Scicluna fetaħ it-tielet Bieb tal-Ħniena matul is-Sena tal-Ġublew.
Fl-Omelija tiegħu, Mons. Arċisqof qal li kif fil-Magħmudija ta' Ġesu' li qed tiġi ċċelebrata llum, iltaqgħu Ġwanni u Ġesu fix-Xmara tal-Ġordan, hekk ukoll illum qed jiltaqgħu il-Ħniena u s-Salvazzoni ta' Alla.
Dan għaliex kif spjega l-Arċisqof, l-isem Ġwanni jfisser il-Mulej Ħanin u l-isem Ġesu' jfisser Alla Jsalva.
L-Arċisqof fakkar kif wieħed jidħol mill-Bieb tal-Ħniena miftuħ illejla fl-Oratorju tal-Kurċifiss, isib quddiemu x-Xbieha devota u għażiża ta' Kristu Redentur.
Simbolu ieħor li fi kliem l-Arċisqof jixhed li biex wieħed jilqa' mingħand Ġesu Redentur is-salvazzjoni tant mixtieqa, jrid jgħaddi mill-Bieb tal-Ħniena.
Huwa qal li bħalma fi żmien il-Magħmudija ta' Kristu, Ġwanni fuq il-kliem tal-Profeta Iżaija ħeġġeġ għat-tħejjija tat-triq tal-Mulej, hekk ukoll illum irridu nħejju t-triqat ta' qalbna.
Fl-Omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna, semma kif quddiem il-Ħniena tal-Mulej, kull midneb għandu ċans jirranġa ħajtu.
Tenna li kif il-qaddisin ukoll kienu midimbin u bħalma kull qaddis kellu l-passat tiegħu, hekk ukoll kull midneb għandu futur li fih irid isib iċ-ċans għall-indiema.
B'hekk quddiem il-Mulej, il-qaddisin u l-midimbin huma fuq l-istess livell.

Ritratti: Graziella Ellul
Filmat: Reel8 Productions