Aġġornata: L-Arċisqof jinsab tajjeb wara l-operazzjoni

L-Arċisqof Charles Scicluna jinsab tajjeb wara intervent li saru fl-Isptar ta’ San Carlos de Apoquindo, f’Santiago, iċ-Ċilì, fejn tneħħietlu l-marrara.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-intervent kien suċċess u li l-Arċisqof tkellem ma' membri tal-familja tiegħu.
Infurmati wkoll li nhar it-Tnejn li għadda, mal-wasla tiegħu fiċ-Ċilì minn New York, l-Arċisqof kien diġà muġugħ u tabib li rah tah mediċina relatata ma’ problemi mill-ikel. Madanakollu aktar ma beda jgħaddi l-ħin, l-uġigħ beda jiggrava.
F’komunikat mediku, l-Isptar iddikjara li Mons. Scicluna daħal fil-klinika t-Tlieta fid-9 ta’ filgħaxija b’uġigħ f’żaqqu, li kien ilu jippersisti għall-aħħar jiem.
Wara li saritlu viżta minn tim mediku, irriżulta li seta’ kellu infjammazzjoni fil-marrara, u għaldaqstant sarulu aktar testijiet.
Skont il-komunikat, l-intervent sar dalgħodu. L-Isptar irrimarka li Mons. Scicluna jinsab f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa, u qed jirkupra tajjeb mill-intervent.
Huwa mistenni lura għan-normal bejn 48 u 72 siegħa oħra u wara jmur għall-konvalexxenza fin-Nunzjatura. (Aqra r-rapport sħiħ hawn taħt).
X’qed jagħmel l-Arċisqof fiċ-Ċilì?
Mons. Scicluna jinsab fiċ-Ċilì fuq missjoni fdata lilu mill-Papa Franġisku, biex jinvestiga l-allegat abbuż sesswali minn saċerdot fiċ-Ċilì u l-allegazzjonijiet li l-Isqof ta' Osorno Juan de la Cruz Barros Madrid kien xhud tal-abbużi. Fost l-oħrajn l-Arċisqof qed jiltaqa' mal-vittmi ta' dan l-abbuż.
Il-kelliem tal-Konferenza Episkopali fiċ-Ċilì, Jaime Coiro, qal li Mons. Scicluna kien qed jieħu dawn il-laqgħat b'serjetà kbira, u minkejja l-iskumdità xorta baqa’ għaddej bil-laqgħat mal-vittmi tal-abbużi.  
Indika, li fuq deċiżjoni tal-Papa Franġisku, il-laqgħat mal-vittmi tal-abbuż sesswali fiċ-Ċilì se jibqgħu għaddejjin kif ippjanat.
Żied jgħid li dawn se jitmexxew mill-Isqof Jordi Bertomeu, uffiċjal tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, li sal-bieraħ kien qed jakkumpanja lill-Arċisqof bħala nutar tal-każ.  L-Isqof Bertomeu, se jkun akkumpanjat minn saċerdot li se jassumi l-irwol ta' nutar. 
Madanakollu r-rapporti jgħidu li mhux eskluż li Mons. Scicluna jkompli bil-laqgħat nhar il-Ġimgħa. 
Il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista awgurawlu fejqan ta’ malajr. 

https://platform.twitter.com/widgets.js