L-Arċisqof b’quddiesa f’Jum l-Omm għal dawk li jixtiequ jsiru ommijiet

Knisja.mt / Ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna llum se jiċċelebra quddiesa għall-festa tal-Madonna ta’ Pompei, għada quddiesa dedikata lil San Ġorġ Preca fil-festa tiegħu u quddiesa dedikata lill-ommijiet f’Jum l-Omm nhar il-Ħadd li ġej.

Il-quddiesa tal-lum se ssir fil-Knisja Parrokkjali u Santwarju tal-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk. Huwa se jitlob is-supplika lill-Madonna ta’ Pompei u r-rużarju. Din ser tixxandar fuq TVM2 fil-5.30pm u fuq is-sit elettroniku tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Knisja.mt.

Għada s-Sibt

Għada għall-festa ta’ San Ġorġ Preca, l-Arċisqof se jiċċelebra quddiesa mill-Kappella ta’ Sidtna Marija tal-Midalja Mirakoluża, il-Blata l-Bajda, fejn jinsabu meqjuma l-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca. Matul din il-quddiesa u r-rużarju, l-Arċisqof se jitlob bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ biex il-Mulej ikompli jagħti d-don tas-saħħa lil Malta.

Il-quddiesa ser tixxandar b’mod dirett fid-9.30am fuq TVM2 u fuq Knisja.mt. Wara l-quddiesa jixxandar dokumentarju ‘Il-Bixra ta’ Dun Ġorġ’, bi produzzjoni tas-socjetà tal-M.U.S.E.U.M.

Nhar il-Ħadd

B’xewqa tal-Arċisqof, il-quddies ta’ nhar il-Ħadd li ġej, Jum l-Omm, se tixxandar minn santwarju Marjan. Għalhekk, il-quddiesa bil-Malti fid-9.30am u l-quddiesa bl-Ingliż li tixxandar fis-6.30pm se jsiru fis-santwarju nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa. Hemmhekk, l-Arċisqof se jitlob għall-ommijiet kollha, b’mod speċjali dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli, u wkoll għal dawk li jixtiequ jsiru ommijiet.

Kulħadd huwa mistieden jingħaqad mal-Arċisqof għal dawn il-mumenti ta’ talb, li fiċ-ċirkustanzi preżenti, qed jixxandru fuq TVM2, Newsbook.com.mt u Knisja.mt.