“Meta ngaraw il-ġebel tal-ħtija nkunu nixbhu lil min sallab lil Kristu” – L-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=0hJAoFEJepQ]

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li kull meta "ngaraw il-ġebel tal-ħtija b'qalb iebsa lejn il-proxxmu", inkunu nixbhu lil dawk lil sallbu lil Kristu fuq is-salib.
Waqt l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof fakkar kif min jeddu, Ġesù ta' ħajtu għall-midinbin u ssallab bħal kriminal bejn żewġ ħallelin.
Mons. Scicluna stqarr li l-kundanna fuq ras Kristu msallab – "Ġesù ta' Nazaret Sultan tal-Lhud" – miktuba bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg, hija sinjal li l-mewt ta' Kristu hija relevanti mhux biss għal-Lhud iżda wkoll għall-Imperu Ruman u l-popli tal-Mediterran.
L-Arċisqof spjega li dan juri biċ-ċar li s-salvazzjoni ta' Kristu hija universali għax titkellem il-lingwa tal-imħabba. Fakkar li Ġesù Kristu offra ruħu għall-mewt biex jagħti l-ħajja. 

Ħeġġeġ għat-talb b'mod speċjali għall-poplu Lhudi, waqt li fakkar li l-ħtija tal-mewt ta' Kristu ma taqax biss fuq il-Lhud iżda fuqna lkoll li ninsabu ħatja li sallabna lil Ġesù bid-dnubiet tagħna.
Ritratti: Ian Noel Pace