L-Arċisqof jibki hu u jisma’ x-xhieda ta’ persuna li ġiet abbużata fiċ-Ċilì; il-vittma tfaħħru mal-midja

L-Arċisqof Charles Scicluna ltaqa’ mal-ewwel vittma tal-abbużi sesswali fiċ-Ċilì, Juan Carloz Cruz, u dam madwar 4 sigħat jitkellem miegħu.
“Kienet esperjenza tajba, u ħallejt il-kamra fejn tkellimt mal-Arċisqof b’tamiet qawwija li finalment se jsir xi ħaġa. Naħseb ix-xhieda tiegħi fetħitilhom għajnejhom xi ftit ukoll”, kien il-kliem li Cruz qal lill-midja wara l-laqgħa tiegħu ma’ Mons. Scicluna.
Kompla billi ddeskriva l-mistoqsijiet tal-Arċisqof Malti bħala “intensi u ddettaljati”, u hawnhekk irrimarka li jafda fih għax iqisu bħala raġel ta’ rieda tajba.
Cruz qal lill-midja li l-Arċisqof Malti beka meta Cruz kien qed jirrakkuntalu minn xiex għadda, u ma’ dan irrimarka li l-biki tiegħu ħassu li ma kienx wieħed tal-kukkudrilli.
Sadanittant, ġie rrappurtat li Mons. Scicluna ma tax kummenti lill-midja, għax ma xtaqx jikxef dettalji li ngħatawlu minn Cruz.
Il-laqgħa saret f’Manhattan, l-Istati Uniti, fejn qed jgħix Cruz, u issa l-Arċisqof mistenni jivvjaġġa lejn iċ-Ċilì biex ikompli jisma’ aktar nies li jixtiequ jixhdu u jersqu lejh.
Il-każ kollu jdur mar-Reverendu Fernando Karadima taċ-Ċilì, li llum għandu 87 sena, deskritt bħala “l-predatur sesswali”, u li allegatament abbuża minn tfal.
Karadima kien instab ħati mill-Vatikan fl-2011, u ngħata sentenza ta’ ħajja penitenzjarja u talb.
Madankollu l-furja tan-nies baqgħet hemmhekk, u x-xrara tħeġġet fil-vjaġġ li kellu l-Papa fiċ-Ċilì u l-Perù x-xahar li għadda, meta kien mistoqsi min-nies dwar l-Isqof ta’ Osorno, Juan Barros.
Qed jiġi allegat min-nies, fosthom ix-xhud li ltaqa’ mal-Arċosqof Scicluna, li dan l-Isqof ta' Osorno kien jaf b’dak li kien qed jagħmel ir-Reverendu, iżda ħbielu.
Ir-rabja tan-nies kienet qamet ukoll meta l-Papa Franġisku kien ordna lil Barros Isqof ta’ Osorni, minkejja x-xnigħat.