L-Arċisqof jibda Jum il-Milied fil-ħabs

F’Jum il-Milied, l-Arċisqof Charles Scicluna se jgħaddi l-parti l-kbira tan-nofstanhar ta’ filgħodu mal-ħabsin, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fejn se jiċċelebra l-quddiesa tal-jum.
Mill-kalendarju taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Arċisqof għax-xahar id-dieħel, joħroġ ukoll li l-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena fl-Arċidjoċesi ta’ Malta se jibda mill-Ħadd 13 ta’ Diċembru, fil-Katidral tal-Imdina bil-ftuħ tal-Bieb tal-Ħniena.
Ġimagħtejn wara mbagħad, l-Arċisqof imexxi ċelebrazzjoni liturġika oħra, din id-darba fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, bil-ftuħ tal-Bieb tal-Ħniena anke hemm.
Ix-xahar ta’ Diċembru hu mimli ċelebrazzjonijiet liturġiċi għall-Arċisqof li, fost l-oħrajn, se jmexxi ċ-ċelebrazzjonijiet tal-pussess ta’ kappillan u ta’ Arċipriet ġdid; se jamministra s-sagrament tal-griżma tal-Isqof; u se jieħu sehem f’mument ta’ talb maż-żgħażagħ bi tħejjija għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ tas-sena d-dieħla.
Il-programm sħiħ ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi għall-Arċisqof matul Diċembru tista’ taċċessah hawn.